Ritratti: Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-PA taġixxi; il-Pulizija le

L-Awtorità tal-Ippjanar, flimkien mal-Awtorità tar-Riżorsi, għalqu ż-żona ta’ Ta’ Qali li fiha kien qed jintrema skart illegali, storja esklussiva li żvela Newsbook.com.mt f’Diċembru. Minkejja dan, il-Pulizija ma ħadu l-ebda passi.

Ir-ritratti juru l-mod sigur li bih ġie ssiġġillat il-post b’mod li ma jistgħux jidħlu trakkijiet u gafef biex jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni. Il-post fejn tul l-aħħar xhur intrema l-iskart tal-kostruzzjoni huwa akbar mill-grawnd tal-futbol li hemm f’Ta Qali. Ir-rimi issa għandu l-għoli ta’ bejn sular u żewġ sulari.

Id-dikjarazzjoni tal-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali (ERA) tidher b’mod ċar ma’ waħda mill-blokki li ntużaw biex jiġi ssiġġillat il-post.

Il-Pulizija, min-naħa l-oħra, ma ħadu l-ebda passi kontra min kien qed jarmi dan l-iskart fis-satra tal-lejl, u damu iżjed minn 20 ġurnata biex iwieġbu l-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt. Fit-tweġiba tagħhom, il-Pulizija qalu li ma kienu rċivew l-ebda rapport dwar il-każ.

L-istorja sa issa

Filmat: Ferneżija ta’ rimi illegali f’Ta’ Qali

“Fejn sejjer?” – pulizija twaqqaf sewwieq f’Ta’ Qali

  • Il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru f’xi l-10pm tliet trakkijiet kbar, gaffa u vann daħlu f’Ta’ Qali minn naħa tal-istejġ tal-karozzi tal-linja Venture. L-aħħar numru tan-numru ta’ dawn it-trakkijiet kienu ‘3’, ieħor ‘4’ u ieħor ‘8’. It-trakkijiet bdew jarmu l-iskart u l-gaffa bdiet tillivellah ħdejn il-fabbrika abbandunata Southern Concrete Ltd. Daħlu żewġ trakkijiet oħra minn naħa tar-roundabout tal-Infetti direzzjoni tar-Rabat. Wieħed minnhom kellu l-ittri ‘FWL’.
  • Ftit wara l-11pm karozza tal-Pulizija waqqfet wieħed minn dawn it-trakkijiet ġara qrib il-Mużew tal-Avjazzjoni. Uffiċjal pulizija mara kienet waħda minn dawk fil-karozza. Is-sewwieq tat-trakk kien mistoqsi x’kien qed jagħmel Ta’ Qali f’dak il-ħin. Huwa wieġeb li kien sejjer jipparkja. Il-Pulizija ma tantx emmnu dan għax it-trakk kien mimli materjal tal-kostruzzjoni u akkumpanjawh għal xi ħin iżda mbagħad telqu. Is-sewwieq ċempel lil sħabu u l-operazzjoni twaqqfet.
  • F’Ottubru trakkijiet tal-istess ditta kien għamlu mill-anqas lejl wieħed jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni li kien qed jinġieb minn proġett li qed isir Burmarrad. Dakinhar huwa kkalkulat li kien hemm mal-40 vjaġġ u li l-operazzjoni damet sejra sa kmieni filgħodu.