Ritratti: Rikonoxximent għall-ħidma fis-Servizz Pubbliku

Ritratt: Kevin Abela / DOI

Għat-tieni sena konsekuttiva, is-Servizz Pubbliku rrikonoxxa lil dipartimenti, entitajiet u individwi fi ħdanu li spikkaw fil-ħidma tagħhom – ħidma li hija riflessjoni tal-kwalità u tal-ogħla standards imħaddna fis-Servizz Pubbliku. Ir-rikonoxximent ingħata permezz ta’ awards li tqassmu mill-President ta’ Malta Dr George Vella u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, f’ċerimonja li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020.

Fost l-awards li tqassmu kien hemm il-Quality Label, li ngħatat lil MEUSAC, l-Aġenzija Żgħażagħ, u lis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm; u tliet awards għall-aħjar ippjanar u twettiq, li rċevewhom il-ministeru li kien magħruf bħala Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima, il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.

Ġew rikonoxxuti wkoll uffiċjali pubbliċi li permezz ta’ ħidmiethom, b’mod partikolari matul l-imxija tal-Covid-19, għenu biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ għaddej bl-operat tiegħu u jwassal servizzi ta’ kwalità lill-klijenti tiegħu. Dawn kienu l-Professur Charmaine Gauci, Supretendent tas-Saħħa Pubblika; Dr Chris Barbara, Clinic Chairman fid-Dipartiment tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei; is-Sur Ramon Deguara, Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u t-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur; is-Sur Tony Sultana, Chairman Eżekuttiv tal-MITA; u Dr Charles Mallia Azzopardi, mit-Taqsima tal-Mard Infettiv tal-Isptar Mater Dei.

Kien hemm ukoll kategorija ta’ awards li nibtet mill-iskema ‘Għoti ta’ Rikonoxximent – Servizz ta’ Kwalità’. Dawk li rċevew award b’riżultat ta’ din l-iskema ġew nominati għall-award minn persuni terzi, fosthom kollegi u klijenti. Il-ħaddiema li ngħataw dan l-award kienu Kurt Balzan O’Dea, Eugenio Abela, Elaine Aquilina, Mariella Caruana u Kathleen Cutajar.

Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella fisser l-apprezzament tiegħu għax-xogħol bla waqfien tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku matul l-imxija tal-Covid-19. Huwa qal li l-ħidma – mhux biss tal-frontliners iżda tas-Servizz kollu inġenerali –  kienet waħda sfiqa u r-riżultati kienu impressjonanti, bis-servizz jibqa’ għaddej b’mod effiċjenti filwaqt li tiġi mħarsa s-saħħa pubblika.

Dr Vella rrefera għat-tema li ntgħażlet għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena, ‘Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek’, u qal li fis-sempliċità tagħha din twassal proprju sens ta’ ħarsien tal-interess tal-individwu, speċjalment f’dawn il-mumenti ta’ diffikultà. “Dan mhux biss slogan jew xi motto ta’ fuq fuq. Naf kemm saru sforzi f’dawn l-aħħar xhur biex jiġi intensifikat il-proċess ta’ tiġdid tas-Servizz Pubbliku. Fosthom l-importanza tas-servizzi online u dawk fuq il-mobile apps, li solvew problemi kbar minħabba li l-kuntatt fiżiku jrid jiġi evitat kemm jista’ jkun. Din kienet miżura verament f’waqtha li turi kemm is-Servizz qed hemm għal raġuni waħda – il-qadi tal-pubbliku,” qal il-President.

Huwa rrefera għar-rikonoxximent li ngħata matul is-serata u qal li fl-għoti ta’ dawn l-awards jispikkaw ukoll il-valuri li jħaddnu dawk li ġew ippremjati. Saħaq li dak li b’rispett insejħulu ‘l-uffiċjal pubbliku’ għandu dejjem iżomm quddiem għajnejh il-valuri u l-prinċipji ta’ integrità assoluta u sens ta’ etika li jegħleb kull preferenza personali jew konvinzjonijiet politiċi.

Il-President estenda r-rikonoxximent lill-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku, li minkejja ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dawn l-aħħar xhur, baqgħu joperaw b’rieda qawwija, professjonalità u dedikazzjoni. “Illum, għalhekk, f’għajnejja u f’għajnejn il-Poplu Malti u Għawdxi kollu, dawn il-premji jgħoddu wkoll b’mod simboliku għal dawk l-eluf li b’xi mod jew ieħor jaqdu lil pajjiżna b’unur fis-Servizz Pubbliku,” temm jgħid il-President.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li din iċ-ċerimonja saret biex jingħata rikonoxximent lil min mar lil hinn mill-ħidma tiegħu ta’ kuljum – lil min fehem li x-xogħol fis-Servizz Pubbliku m’għandux ikun biss li jdawwar ir-rota imma li jwassal servizz ta’ kwalità.

Is-Sur Cutajar elenka l-ħidma tas-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar snin biex jasal għal servizz ta’ eċċellenza u biex dejjem jassigura l-kwalità. Din il-ħidma ġiet rikonoxxuta b’awards internazzjonali li ngħata s-Servizz Pubbliku kif ukoll bil-klassifikazzjonijiet eċċellenti li qed jinkisbu. Din il-ġimgħa stess tħabbar li s-Servizz Pubbliku reġa’ kklassifika fl-ewwel post fl-Ewropa fl-e-government. Dan ifisser li pajjiżna mhux biss ġie l-ewwel minn fost bosta pajjiżi, iżda wkoll li żamm l-ogħla post bla interruzzjoni.

Is-Sur Cutajar qal li matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ġiet esposta l-kwalità fis-Servizz Pubbliku, imsejsa fuq l-erba’ pilastri: Il-Vuċi – iltqajna u smajna lill-istakeholders; Id-Disinn – tkellimna fuq policies u ħejjejna għall-ġejjieni dwar suġġetti varji fosthom ir-Remote Working u l-prospetti tal-Intelliġenza Artifiċjali; Il-Pakkett – f’din is-serata ġie rikonoxxut is-servizz ta’ kwalità permezz tal-Quality Label; Il-Kontabilità – permezz tat-tnedija ta’ żewġ pubblikazzjonijiet – Il-Ħidma tas-Servizz Pubbliku fl-aħħar tnax-il xahar u t-tweġiba tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-rapporti tal-Awditur Ġenerali – Governance Action.

Dwar il-Quality Award, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din tinkiseb jekk u meta d-dipartiment, jew l-entità, jilħaq il-kriterji u l-livelli stabbiliti mid-Direttorat dwar Kwalità u Standards. L-għan aħħari jibqa’ dak li jingħata servizz ta’ eċċellenza lill-klijenti, sew esterni kif ukoll interni. Is-Sur Cutajar fakkar li l-proċess tal-Quality Award isir b’reqqa kbira, fejn fost oħrajn jitfassal Charter ta’ Servizz ta’ Kwalità li juri l-impenn tad-dipartiment jew tal-entità, isir stħarriġ ta’ attitudni fost l-impjegati tad-dipartiment jew tal-entità, u l-għoti tas-servizz jiġi evalwat permezz ta’ għodod fosthom il-Mystery Shopping.