Ritratti: Reunion taż-ŻAK fid-90 anniversarju tal-Azzjoni Kattolika f’Malta

Read in English.

Fi Frar tal-2020 l-Azzjoni Kattolika se tkun qed tiċċelebra d-90 Anniversarju tat-twaqqif tagħha f’Malta. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 Anniversarju li se jkunu qed isiru bejn Ottubru 2019 u Ottubru 2020, nhar is-Sibt 19 t’Ottubru ġie organizzat Reunion għal dawk il-persuni li kienu membri fiż-ŻAK fl-2010 jew qabel.

Din l-attività ġiet organizzata ġewwa ż-ŻAK House f’Birkirkara, f’ċentru li beda jiġi renovat fl-2010 u reġa’ nfetaħ f’Diċembru tal-2013 bħala post fejn jistgħu mhux biss isiru laqgħat, iżda ukoll iraqqad 44 persuna għal live-ins jew youth exchanges. Dan ifisser li kien hemm membri preżenti għal din ir-Reunion li kienu jattendu ż-ŻAK fil-passat, iżda li kienu għadhom ma żarux iż-ŻAK House minn mindu ġiet renovata u miftuħa mill-ġdid.

Kien hemm iktar minn 100 persuna u 20 tifel u tifla taħt l-10 snin li attendew din ir-Reunion. Il-maġġoranza ta’ dawk li attendew kienu koppji żgħażagħ, miżżewġin jew familji bi tfal żgħar. Fis-6pm bdew jinġabru u naturalment, it-tgħanniq bejn dawk li kienu ilhom ma jiltaqgħu ma naqasx. Wara kelmtejn mill-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija Josef DeBono, fis-7pm bdiet il-quddiesa ċċelebrata minn 3 persuni importanti fl-istorja taż-ŻAK, Fr Michael Bellizzi li kien l-Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK sal-2009, Fr Reuben Gauci li fl-2010 ħa l-kariga ta’ Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK u Fr Bernard Micallef li kien membru taż-ŻAK u li llum huwa qassis djoċesan.

Il-post kien imżejjen b’ritratti antiki u numru ta’ artikli li dehru fil-gazzetti matul iż-żmenijiet. Kien hemm ukoll diversi bagalji miftuħa b’numru ta’ flokkijiet taż-ŻAK li jikkommemoraw avvenimenti differenti organizzati matul is-snin. Dawk preżenti għal din l-attività ingħatgħu ukoll ‘luggage tag’ bil-logo li nħoloq għad-90 Anniversarju biex tibqa’ tifkira tar-Reunion kif ukoll tal-memorji u l-esperjenza li kisbu matul iż-żmien permezz tas-sħubija tagġhom fiż-ŻAK, li issa qed iġorru magħhom matul ħajjithom, bħal bagalja.

Wara l-quddiesa kien hemm Pasta Night organizzata u spazju fejn in-nies jissoċjalizzaw u jġeddu l-memorji. Fl-aħħar inqasam il-kejk tal-okkażjoni. Kien mument sabiħ għal dawk kollha li attendew.