Ritratti: Rampa f’Ħondoq għal persuni b’siġġu tar-roti

MGOZ- George Scerri

Read in English.

Il-bajja tal-Ħondoq f’Għawdex għadha kemm saret aktar aċċessibbli għal persuni li jużaw is-siġġu tar-roti.

Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha.

Hi spjegat li l-Ministeru se jibqa’ jimpennja ruħu sabiex isebbaħ il-bajjiet u jagħmilhom aktar aċċessibli.

Illum stess, il-Ministru Caruana marret il-bajja tal-Ħondoq, flimkien mas-Sindku tal-Qala, Paul Buttiġieġ fejn spjegat li r-rampa tibda propju minn ħdejn iż-żona tal-parkeġġ u l-latrina u li twassal lil kull min jgħaddi minn fuqha direttament fil-baħar.

Persuna li kkummentat fuq il-messaġġ tal-Ministru Caruana, u li hi stess tuża s-siġġu tar-roti kkumentat li min-naħa tal-istazzjon tal-lifeguard ma hemmx aċċess totali għar-rampa, insistiet ukoll li m’hemmx mod kif wieħed jista jasal għal-latrini tal-bajja.

Immedjatament is-Sindku tal-Qala wieġeb li se jkunu qed jaħdmu bis-sħiħ sabiex isolvu l-problema li affaċċjat din il-mara.