Ritratti: Rajt il-ġenwinità tat-tfal fil-vista pastorali fl-Imtarfa- l-Isqof Galea Curmi

Knisja.org/Ritratti

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li esperjenza l-ġenwinità tat-tfal waqt il-vista pastorali tiegħu fl-Imtarfa.

L-Isqof qal dan waqt il-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK103FM. L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-esperjenza tal-vista pastorali fl-Imtarfa kienet waħda interessanti.

Hu ltaqa’ mat-tfal, adoloxxenti, familji, anzjani, persuni morda, u ma’ dawk li b’xi mod jew ieħor jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma tal-parroċċa. L-Isqof Awżiljarju ltaqa’ wkoll ma’ membri tal-Kunsill Lokali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Fi kliem l-Isqof Galea Curmi huwa dejjem sabiħ meta wieħed jitkellem mal-anzjani u jisma’ l-epserjenzi tagħhom. Dwar it-tfal, qal li dawn kienu entużjasti ħafna. Baqa’ jiftkar il-ferħ u l-ġenwinità tat-tfal li kellhom l-opportunità jistaqsuh id-domandi. Spjega li t-tfal jagħtu l-ħajja liċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi.

L-Isqof Galea Curmi qal li ra l-bżonn li jkun hemm aktar kollaborazzjoni fl-Imtarfa. Qal ukoll li wieħed għandu jiffoka fuq il-punti pożittivi tal-paroċċa u jaħdem fuqhom. Spjega li l-komunità tal-Imtarfa se tagħlaq 15-il sena bħala parroċċa. Hemm madwar 2,500 resident f’800 familja.