Ritratti: Raġġ ta’ tama għar-refuġjati Rohingya f’Bangladesh

Membri tal-organizzazzjoni karitattiva MOAS Italja bdew il-missjoni tagħhom f’Bangladesh wara vjaġġ ta’ tliet ġimgħat, sabiex jagħtu għajnuna umanitarja lir-refuġjati Rohingya li ħarbu mill-vjolenza li kienu qed jaffaċċaw f’Mjanmar.
Il-bastiment tal-MOAS, Phoenix, sar simbolu internazzjonali ta’ tama għall-immigranti u r-refuġjati, ladarba dan jintuża biex iwassal konsenji ta’ għajnuna umanitarja fejn ikun hemm bżonn.
L-ewwel konsenja, li tikkonsisti minn ikel u ingredjenti bażiċi bħar-ross, melħ, żejt, zokkor, għads u oġġetti oħra bħall-kutri, diġà waslu fil-port prinċipali ta’ Bangladesh, Chittagong.
Fuq il-bastiment wasal ukoll it-tim mediku tal-MOAS Italja, li jinkludi 10 tobba u 3 infermiera.
Hekk kif mijiet ta’ eluf ta’ tfal, nisa u rġiel qed jgħixu f’kampijiet żdingati mingħajr aċċess għal servizzi tas-saħħa jew tas-sanità, it-tim mediku jrid jaħdem kemm jista’ jkun malajr biex ilaqqam lin-nies kontra mard li jittieħed.
Għalhekk, it-tim mediku tella’ tinda fir-reġjun ta’ Shamlapur fejn ikun jista’ jagħti għajnuna medika lil persuni fil-bżonn. L-iktar pazjenti f’qagħda mwiegħra jkunu jistgħu jużaw is-servizz tal-ambulanza.
Tul ix-xahar li għadda, mill-inqas 500,000 Rohingya ħarbu minn Mjanmar lejn Bangladesh, minħabba li kienu qed jiġu aggrediti minn membri tal-gvern.
Ritratti: MOAS Italia 2017