Ritratti: Putin jerġa’ jittardja għat-tielet laqgħa tiegħu mal-Papa Franġisku

Reuters

Il-President Russu Vladimir Putin iltaqa’ mal-Papa Franġisku llum, jum qabel il-mexxejja Kattoliċi Ukreni jmorru l-Vatikan biex jiddiskutu l-kriżi f’pajjiżhom, u qalb spekulazzjoni li ż-żjara ta’ Putin taf twassal biex il-Papa jżur ir-Russja għall-ewwel darba.

Wara diskursata ta’ 35 minuta, Putin irringrazzja lill-Papa tal-ħin li ddedika għalih. Putin instema’ jgħid li d-diskussjoni ta’ bejniethom kienet waħda interessanti u ta’ sustanza.

Il-President Russu ltaqa’ mal-Papa darbtejn qabel. Huwa ttardja għal dan l-appuntament b’siegħa, filwaqt li meta ltaqa’ miegħu fl-2013, ittardja b’50 minuta u fl-2015 b’siegħa wkoll.

Wara din iż-żjara, Putin għandu jiltaqa’ mal-President u mal-Prim Ministru Taljani, u mbagħad jerħilha lura lejn Moska għal ikla uffiċjali.

Kien mistenni li suġġett ewlieni fid-diskussjoni bejn Putin u l-Papa tkun l-Ukrajna, li għadha kwistjoni diffiċli fir-relazzjonijiet ta’ bejn ir-Russja u l-Vatikan. Meta ltaqgħu fl-2015, il-Papa kien ħeġġeġ lil Putin biex jagħmel sforz kbir u sinċier biex jikseb il-paċi fl-Ukrajna u biex itemm il-ġlied bejn il-forzi governattivi tal-Ukrajna u r-ribelli separatisti favur ir-Russja fil-Lvant.