Ritratti: Protesta paċifika kontra l-attakk fuq ir-rivista Charlie Hebdo

Għada f’nofsinhar se jinżamm ħin ta’ silenzju bħala tifkira tal-mejta fl-attakk li sar fuq l-uffiċini tar-rivista, Charlie Hebdo.
Dan tħabbar mill-President Franċiż, Francois Hollande f’indirizz qasir lin-nazzjon.
Qal li l-jum tas-7 ta’ Jannar se jibqa’ mfakkar mill-pajjiż bħala jum ikrah kontra l-libertà tal-espressjoni.
Qal ukoll li għada l-Ħamis se jkun jum ta’ luttu għall-Franċiżi.
Saħaq li Franza hija ddeterminata li tkompli twassal il-vuċi tal-libertà u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. 
Hollande qal li l-investigazzjonijiet jinsabu għaddejjin u meta l-persuni responsabbli se jinqabdu se jingħataw il-kastig li ħaqqhom. 
Mijiet ta' persuni nġabru fi Pjazza r-Repubblika f'Pariġi u fi bliet oħra ewlenin fi Franza fi protesta paċifika kontra l-attakk li sar fl-uffiċini tar-rivista satirika Charlie Hebdo. 
Fost il-persuni li ħadu sehem f'din il-protesta hemm ukoll persuni ta' twemmin Iżlamiku li kkundannaw l-attakk. 
Il-Pulizija Franċiża tinsab għaddejja bit-tfittxija għall-persuni li wettqu dan l-attakk, li għadhom maħruba. 
Il-vettura li serqu u ħarbu biha nstabet mitluqa fil-periferija ta' Pariġi. 
F'dan l-attakk, it-tliet persuni li daħlu u sparaw fuq il-ġurnalisti u l-kartunisti ta' Charlie Hebdo nstemgħu jgħajjtu "Allahu Akbar".
Il-Pulizija Franċiża qed tikkunsidra l-attakk bħala tpattija minn militanti Iżlamiċi kontra karikaturi li għalihom hija famuża r-rivista, li fihom deher fost l-oħrajn il-profeta Mohammed. 
L-investigazzjonijiet qed jiffukaw fuq jekk kienx hemm persuni kompliċi fl-isparatura u s-sinjali li għamlu b'idhom dawk li wettqu l-attakk. 
Huwa mifhum li t-tliet irġiel armati huma membri tal-Al Qaeda.