Ritratti: Programm ġdid għat-trawwim tat-tfal sabiex ikunu attivi fis-soċjetà

Proġett ibbażat fuq il-komunità, bl-isem ta’ Programm Tbissima, se jkun qed jipprovdi spazji fejn it-tfal u ż-żgħażagħ fil-Marsa jħossuhom protetti u jingħataw iċ-ċans li jkollohom ħajja soċjali attiva.
Il-programm ġie mniedi mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, bħala parti mill-inizjattivi tal-President’s Trust, u se jkun qed iħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ sabiex ikunu proattivi fis-soċjetà filwaqt li jibnu relazzjonijiet b’saħħithom, fi spazju sikur, u fejn isibu s-sapport kollu neċessarju.
Il-proġett fl-Iskola Primarja tal-Marsa, se jibda billi joffri konsulenza għaż-żgħażagħ, attivitajiet soċjali u għajnuna fl-edukazzjoni permezz tal-homework club.
Il-President qalet li tinsab ċerta li Programm Tbissima se jkun dikjarazzjoni ta’ kemm sinerġiji effettivi jistgħu jġibu magħhom bidliet pożittivi fil-komunitajiet.
Ritratti: OPR