Ritratti: ‘Pilatus Bank’ jitfaċċa fin-Nadur

Min jinżel san-Nadur illejla biex jiċċelebra l-Karnival jaf jinzerta fergħa ta’ bank li ismu mhux ġdid.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola tellgħet ritratti fuq Twitter li juru karru magħmul għal Pilatus Bank.

Reċentament, il-bank reġa’ ssemma fil-midja meta fir-Renju Unit, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li s’issa ma hemm l-ebda prova legali dwar x’kien qed jagħmel Pilatus Bank. B’risposta għar-rappurtaġġ dwar dan, l-Uffiċċju tal-President ikkritika lil “ċertu individwi” talli ħolqu sensazzjonaliżmu bbażat fuq mistoqsija dwar Pilatus Bank li l-President kienet qed tirrispondi.

Is-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad kien ġie arrestat fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran. Hu qed iwieġeb mhux ħati.

Tista’ tara xi spikka aktar waqt il-Karnival ta’ Għawdex minn hawn.