Ritratti: Persuni jneħħu r-ritratt ta’ Daphne minn fuq il-mafkar

Credit: Repubblika

Read in English.

Ftit tas-sigħat wara t-tmiem tal-vġili f’għeluq it-22 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, grupp ta’ ħames persuni kienu kompliċi fit-tneħħijja tar-ritratt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia minn mal-monument tal-Assedju l-Kbir li qed jintuża minn bosta bħala mafkar għaliha.

Dan qalitu Repubblika MT fi stqarrija fejn saħansitra l-attivisti bagħtu numru ta’ ritratti tal-istess persuni jivvandalizzaw il-mafkar. Fl-istqarrija l-għaqda spjegat li minkejja li dak li ġara matul il-lejl li għadda ilu jiġri ta’ kuljum għal 22 xahar, l-attivisti mhux se jittolleraw dan it-tip ta’ aġir. Qalet li mhux faċli li wieħed ikun jaf li saħansitra l-Gvern tal-pajjiż qed jordna lill-ħaddiema tiegħu sabiex jeqirdu l-oġġetti fuq il-mafkar.

L-attivisti qalu li f’pajjiżi Ewropej oħrajn, vandaliżmu tat-tip fuq mafkar pubbliku li jfakkar il-qtil ta’ persuni li b’xi mod servew lis-soċjetà, bħall-ġurnalisti, huwa kriminalità ta’ mibgħeda. Tennew li l-persuni fir-ritratti mhux qed jeżerċitaw xi tip ta’ dritt personali, mhux qed jagħmlu dan għax Caruana Galizaia qatt qalet xi ħaġa jew għamlet xi ħaġa lilhom, imma għax jobgħodu dak li hi tirrapreżenta, jiġifieri l-ħelsien tal-kelma u l-ħsieb kritiku. Tennew li Gvern demokratiku huwa mistenni jikkundanna dan it-tip ta’ aġir.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-mafkar reġa’ ġie mimli mill-ġdid filwaqt li l-attivisti insistew li għal kull darba li se jitneħħew l-oġġetti mill-mafkar, se jassiguraw li oġġetti oħrajn jitpoġġew minn flokhom.