Ritratti: Periklu f’nofs tat-triq minħabba l-armar tal-festa

Fi triq f'Ħal Kirkop qrib tal-pjazza tpoġġa arblu tal-festa eżatt fin-nofs ta' stop sign.
Dan qed joħloq periklu u inkonvenjenza għall-vetturi speċjali dawk li għandhom vannijiet jew vetturi kbar.
Residenti Koppini li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li filwaqt li iżjed 'il fuq hemm sinjal tal-limitu tal-veloċitá wisq jibżgħu li jista' jinqala' xi inċident jekk is-sewwieqa ma jindunawx b'dan l-arblu, speċjalment mal-lejl.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li huma l-Pulizija li joħorġu l-permessi għall-armar tal-festa u mhux il-Kunsilli Lokali.
Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt irrapporta kif persuni mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilitá se jduru l-festi f'numru ta' lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn se jfasslu rapport bil-perikli u d-diffikultajiet li l-armar tal-festi joħolqu għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Għaldaqstant residenti enfasizzaw li l-armar tal-festa li jitpoġġa mal-kantunieri f'toroq dojoq ukoll joħloq il-perikli.
Sostnew ukoll li jintilef il-parkeġġ b'detriment għar-residenti tal-lokalitá.

Fix-xhur li għaddew, Newsbook.com.mt kien tkellem ma' persuna bi bżonnijiet speċjali li jkollu joqgħod maqful id-dar matul it-tliet ġimgħat tal-festa għaliex mhux possibbli għalih li joħroġ idur jew imur jixtri minħabba s-siġġu tar-roti.
Iċ-Chairperson tal-KNPD Oliver Scicluna matul dan ix-xahar ta' Lulju se jkun qed jiltaqa' mal-Kunsilli Lokali kollha biex jiddiskuti l-aħjar mod kif tista' tinstab soluzzjoni għall-arma tal-festa li joħloq zgombru fuq il-bankini u t-toroq.