Ritratti: Papra mdemmija tinġabar mill-ERA f’Ħondoq ir-Rummien

Read in English.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġabret papra mdemmija mill-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien wara li nltemħet minn xi persuni.

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt bagħtu ritratti ta’ din il-papra qabel ma nġabret mill-ERA fejn tidher qed tistrieħ fuq il-bajja, għajjiena minħabba l-feriti li ġarrbet.

 

Newsbook.com.mt ikkuntattja lil BirdLife Malta dwar il-każ fejn il-kelliem għall-organizzazzjoni spjega li l-papra magħrufa bħala Kuluvert tas-Salib (Common Shelduck) u li hija speċi protetta, nstabet b’ferita f’sidirha u fiż-żona pelvika.

Hu rrimarka li l-papra nġabret mill-uffiċjali tal-ERA u għaddiet lil BirdLife Malta. Qal li skont ma titlob il-proċedura, huma ħadu lill-papra immedjatament għand il-veterinarju tal-gvern minħabba li l-papra kellha ġrieħi minn fejn kien ħiereġ id-demm. Hu sostna li ma għandux informazzjoni dwar jekk il-ġrieħi kinux kawża ta’ tir jew ta’ xi ħaġa oħra u li d-dettalji tal-kundizzjoni tal-papra jinsabu għand il-Wild Birds Regulations Unit (WBRU) li taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għal Għawdex dwar il-każ. Mistoqsijiet dwar il-każ intbagħtu wkoll liċ-Chairperson tal-WBRU Richard Lia.

Intant, is-sorsi tal-ġurnal qalu li l-papra mietet. Madanakollu dan għadu mhux uffiċjalment ikkonfermat.

Il-kelliem għal BirdLife Malta sostna li l-papra li hija speċi protetta ma tistax tkun ikkaċċjata fl-istaġun tal-ħarifa jew f’xi staġun ieħor.