Ritratti: Opri tal-arti magħmula minn ingredjenti tal-ikel minn studenti tal-ITS            

Matul is-sessjonijiet ta’ rkupru tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), studenti li qed jistudjaw għal Higher National Diploma fil-Preparazzjoni u l-Produzzjoni tal-Ikel ippreparaw numru ta’ skulturi artistiċi magħmula miċ-ċikkulata u l-butir.

L-iskulturi minquxin bl-idejn huma parti mill-kurrikulu tal-ħelu tal-istudenti li għadu kemm tlesta matul is-sessjonijiet ta’ rkupru ta’ Settembru, li kienu maħsuba biex jagħmlu tajjeb għas-sessjonijiet mitlufa minħabba l-għeluq tal-iskola lura f’Marzu. L-iskulturi juru l-kompetenzi avvanzati tal-istudenti, kif ukoll jirriflettu wkoll il-livell għoli ta’ kreattività.

Il-lettur tal-ITS, is-Sur Andrew Farrugia, li ilu jgħallem it-tekniki avvanzati f’dan il-qasam speċjalizzat għal dawn l-aħħar 23-il sena, qal li l-għan ta’ dawn l-iskulturi huma li jgħallmu lill-istudenti l-arti u l-iskultura fl-ikel, sabiex tgħinhom jiżviluppaw dan l-għarfien fl-arti kulinarja.

Dawn l-iskulturi ġew esebiti fil-kampus tal-ITS f’Ħal Luqa, waqt avveniment bl-isem ta’ “Twilight Dinner”, organizzat minn studenti ta’ Diploma fl-avvenimenti. Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret il-kampus u rat mill-viċin l-esebizzjoni artistika tal-iskulturi u kif ukoll iltaqgħet mal-istudenti. Il-Ministru stqarret kemm huwa importanti li l-istudenti tagħna jkollhom esperjenza diretta fuq xogħolhom u faħħret lill-istudenti u l-letturi għal dawn ix-xogħlijiet eċċellenti kulinari, artistiċi u organizzattivi.

Id-Direttur tas-Servizzi Korporattivi tal-ITS Claire Briffa ddikjarat li s-sessjonijiet ta’ rkupru ta’ Settembru għenu lill-istudenti jirkupraw il-lectures mitlufa li kienu skedati għat-tieni semestru. L-impenn tal-letturi u l-istudenti matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat għenu biex jiksbu l-ħiliet u t-tekniki biex jittrasformaw ir-riċerka u l-ideat tagħhom f’dawn il-wirjiet magħmulin bl-idejn.

Dan it-tagħrif twassal mill-ITS – Institute of Tourism Studies.