Ritratti: “Omm tant ferħet malli ratu, li mietet f’idejh”

Ritratt: Miguela Xuereb

Statwa li tinsab fuq qabar fiċ-ċimiterju tal-Addolorata hemm min jaħseb li tirrakkonta storja ta’ qsim il-qalb: il-mewt ta’ omm wara li qalbha ma felħitx għall-ferħa li rat lil binha lura fi ħdanha.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ raġel, ammiratur ta’ dan iċ-ċimiterju, li filwaqt li dawwarna maċ-ċimiterju, irrakkonta kif inbena dan iċ-ċimiterju, u xi wħud mill-istejjer tiegħu.

Il-qabar partikolari jmur lura għas-sena 1904. Sidu huwa negozjant Taljan. L-istatwa tiegħu, li turi x-xena ta’ omm mejta fuq siġġu u binha fi ħdanha, kienet inħadmet fil-funderija f’Ruma.

Il-ġrajja tgħid li Attillo Micari kellu ommu anzjana ħafna u kienet tgħix Malta. Darba minnhom ġie Malta għall-għarrieda u meta ommu, Giovanna, ratu, tant ferħet bih li mietet f’idejh. L-iben tant ħass il-mewt tagħha li bnielha qabar b’turija ta’ rispett. Hu miet fl-1915 u jinsab midfun ukoll fl-istess qabar.

Aqra: Għandna wieħed mill-isbaħ ċimiterji fl-Ewropa… x’inhi l-istorja tiegħu?

Din iżda, mhux l-unika storja li għandu l-monument. Meta wieħed iżuru, jara li dan kien intlaqat fi żmien il-gwerra. Mad-dawra tal-monument wieħed jista’ jara toqob li x’aktarx huma daqqiet tal-balal tal-ixkubetti. Ovvjament, iż-żmien jagħmel tiegħu wkoll u dik li forsi snin ilu kienet daqqa żgħira kompliet tinfetaħ u tikber.

Matul is-snin, għexieren ta’ persuni marru jżuru dan il-monument ferm interessanti. Ħafna saħansitra jpoġġu fjura f’idejn ix-xbieha tal-iben.

Aqra: €8,000 għal qabar fiċ-ċimiterju tal-Addolorata