Ritratti: “Nistennew il-permess biex imorru naraw l-istat tal-Knisja wara 3 snin” – L-Isqof George Bugeja

Ritratti li bdew jinxterdu wara li ż-żona f’Benghazi, Souq il Hoot ġiet liberata juru li l-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni mmexxija mill-Franġiskani Maltin saret terrapin.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Vigarju Appostoliku ta' Tripli u Amministratur Appostoliku ta' Benghazi Mons. George Bugeja,OFM spjega li l-ġlied f’Benghazi beda f’Settembru 2014 u kawża ta’ dan il-ġlied l-Isqof Emeritu Mons. Sylvester Magro OFM flimkien mal-Patrijiet Franġiskani l-oħra kellhom iħallu l-Knisja minħħaba l-periklu li kien hemm.
Stqarr li mill-2014 sal-lum għadhom ma resqux lejn dik iż-żona.
Hekk ftit tal-jiem ilu ż-żona ġiet liberata, il-patrijiet qed jistennew biex jinħareġ il-permess biex ikunu jistgħu jmorru fuq il-post sabiex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni.
Mons. Bugeja spjega li għalissa għad hemm diversi perikli fosthom ta’ bombi mhux sploduti. Żied jgħid li l-permess biex imorru fuq il-post jaf jieħu ftit żmien mhux ħażin.
Żied jgħid li bħalissa fil-Vigarjat ta’ Benghazi hemm żewġ patrijiet Franġiskani, wieħed jgħix f’Benghazi mhux fiż-żona tal-Knisja iżda f’post sikur u ieħor f’Beida. Iż-żewġ patrijiet jieħdu ħsieb komunitajiet żgħar ta’ Nsara magħmula minn Filippini, Afrikani u Indjani.
Intant ilbieraħ reġa’ nfetaħ l-ajruport internazzjonali ta’ Benghazi wara li kien ilu tliet snin magħluq minħabba l-ġlied.