Ritratti: Nicole Frendo tinqala’ fl-ewwel fażi tal-finali tal-Festival di Castrocaro

Ritratt: Rai Due

Minkejja l-interpretazzjoni mill-aqwa li tat fil-finali tat-62 edizzjoni tal-Festival di Castrocaro, il-kantanta ta’ 17-il sena Nicole Frendo nqalgħet fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni li kienet imxandra b’mod dirett fuq l-istazzjon televiżiv Taljan Rai Due u fuq l-istazzjon Rai Radio 2.

Ritratt: Festival di Castrocaro

Frendo, li kienet l-unika kantanta barranija f’dan il-festival, interpretat is-silta Skyfall, li oriġinarjament nafuha mill-kantanta Adele.

Nicole għażlet din il-kanzunetta minn fost tlieta li kellha. It-tnejn l-oħra kienu È Poi u Purple Rain.

Fl-ewwel fażi, li kien jikkonsisti f’kompetizzjoni bejn żewġ parteċipanti kull darba, ntrebħet minn Deborah Manenti, li kif irriżulta fl-aħħar tal-festival, intrebaħ minnha stess.

Din l-edizzjoni tal-Festival di Castrocaro kien ippreżentat mill-koppja Stefano De Martino u Belen Rodriguez. Il-ġurija kienet magħmula minn Andrea Delogu, Elodie, Bruno Sartori u Maurizio Vandelli, filwaqt li l-President tal-Ġurija kienet il-preżentatriċi Simona Ventura li għal xi żmien kienet tifforma parti mill-ġurija tal-programm X Factor Italia.

Il-mistieden speċjali tas-serata kien Gigi Alessio.

Tul is-snin dan il-festival kien ta’ pjattaforma għal artisti bħal Nek, Eros Ramazzotti, Max Pezzali, Michele Zarrillo u Laura Pausini fost oħrajn, filwaqt li fost dawk li rebħuħ insibu lil Giuni Russo (1967), Gigliola Cinquetti (1963), Alice (1971), Luca Barbarossa (1980), Zucchero (1981), u Silvia Salemi (1995).

AQRA: Illejla Nicole Frendo f’festival fuq Rai Due

AQRA:Nicole Frendo fil-finali tat-62 edizzjoni tal-Festival di Castrocaro fuq Rai 2