Ritratti: Niċċa f’Ħal Qormi tistenna l-verdett

Niċċa tal-Qalb ta’ Ġesù li kienet iżżejjen faċċata ta’ dar antika fi Triq il-Mitħna f’Ħal Qormi spiċċat vittma tal-progress. Mil-lum għall-għada, din in-niċċa għosfrot.
Residenti f’din it-triq, u oħrajn li għandhom għal qalbhom lil Ħal Qormi, ilmentaw ma’  Newsbook.com.mt meta ndunaw li din in-niċċa kienet se titwaqqa’
Sakemm il-fotografu ta’ Newsbook.com.mt mar jieħu ritratti ta’ din il-faċċata, id-dar u n-niċċa magħha kienu diġà għebu.
Intant is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qal li l-kunsill se jkun qed jesiġi mal-Awtorità tal-Ippjanar li din in-niċċa titpoġġa mill-ġdid mal-faċċata ta’ din il-binja.
Il-Kunsill Lokali qal ukoll li se jressaq l-ilment quddiem is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u fakkar li ż-żewġ entitajiet għandhom id-dover li jipproteġu dan il-patrimonju.
Is-Segretarju Eżekuttiv qal ukoll li mill-informazzjoni li għandu l-Kunsill, in-niċċa se tkun inkluża fil-binja l-ġdida, iżda għad ma hemm xejn uffiċjali u kkonfermat.
Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar din in-niċċa, jekk hux se tkun inkluża fil-binja l-ġdida u x’inhi l-prassi tal-awtorità meta tagħti permessi biex jitwaqqgħu faċċati li fihom ikollhom niċeċ antiki.
 
Ritratt: Ian Noel Pace