Ritratti: Muscat iżur sptar ta’ Steward f’Boston

OPM

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat żar sptar tal-kumpanija Steward Health Care f’Boston fl-Istati Uniti u l-kwartieri tal-istess kumpanija.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Muscat iltaqa’ mat-tmexxija ta’ Steward Healthcare li qed imexxu wkoll l-isptarijiet ta’ Karin Grech, ta’ San Luqa, u dak ta’ Għawdex.

Muscat żar il-kwartieri tal-kumpanija fejn ingħata preżentazzjoni dwar l-aħħar sistemi li Steward qed tadotta biex il-pazjenti tagħha jkollhom rekords mediċi miżmuma bl-aħjar teknoloġija. Dawn is-sistemi qed inaqqsu r-rata tal-mortalità b’mod sinifikanti.

Muscat iltaqa’ wkoll mal-istaff mediku responsabbli minn oqsma differenti tal-isptar f’St Elizabeth’s Medical Center li jitmexxa minn Steward. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li din il-kumpanija hija l-ikbar operatur privat fil-qasam tas-saħħa tal-Istati Uniti u tħaddem magħha 40,000 professjonist.

Ġimgħa ilu, il-Kumpanija Steward Health Care keċċiet 468 ħaddiem f’Ohio fl-Istati Uniti meta għalqet sptar.