Ritratti: Mumenti mill-vjaġġ tal-President fil-Kanada

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca bħalissa tinsab fil-Kanada fejn qed tagħmel żjarat lill-komunità Maltija-Kanadiża.
Fost l-attivitajiet, attendiet it-tpoġġijja tal-bnadar fil-Malta Park fil-Kanada, avveniment simboliku fejn il-President tat il-kondoljanzi tagħha għall-familji kollha li sfaw vittmi tal-attakk f’Toronto fit-23 t’April li għadda.
Il-President, flimkien mad-delegazzjoni attendew ukoll għall-Quddiesa fil-Knisja ta’ San Pawl Appostlu mal-komunità Maltija fiż-żona f’Toronto magħrufa bħala ‘Little Malta’.
Waqt laqgħa mal-istess komunità Maltija, il-President sostniet li kull fejn marru, il-Maltin u l-Għawdxin dejjem kienu parti minn suċċessi kbar u kkontribwixxew għall-prosperità tad-dar il-ġdida tagħhom.
Skont stqarrija mill-Uffiċċju tal-President, id-diaspora fil-Kanada tammonta għal 160,000 dixxendent Malti, b’40,000 jgħixu f’Toronto.
Il-President sostniet li d-diaspora qed tagħti lil Malta viżibiltà f’pajjiżi oħrajn u l-Maltin qed igawdu mir-reputazzjoni li huma ħabbrieka u jħobbu l-paċi.
Waqt iż-żjara tagħha, il-President żaret ukoll numru ta’ intrapriżi f’Ontario li jirrapreżentaw prodotti artiġġjani Maltin, tradizzjonijiet kulinari u attivitajiet sportivi.Il-President iltaqgħet ukoll mal-President tal-Federazzjoni Maltija-Kanadiża, Joe Sherri waqt li kienet qed iżżur l-uffiċini tal-Konsulat Malti f’Toronto.
Faħħret ix-xogħol tagħhom li qed iżomm il-komunità Maltija fil-Kanada magħquda. Spjegat li hemm bżonn li jiffukaw aktar fuq il-midja diġitali u pjattaformi oħra onlajn sabiex isaħħu aktar il-komunikazzjoni ma’ Malta.
Il-President ippersediet ukoll laqgħa tan-negozjanti Maltin-Kanadiżi fejn tkellmet dwar l-importanza li jkun hemm żvilupp u tisħiħ kontinwu tal-konnessjonijiet ekonomiċi.
Waqt din il-laqgħa l-President irrakkomandat it-twaqqif ta’ Network tan-Negozji Maltin-Kanadiżi sabiex tiffaċilita l-konnessjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Ritratti: DOI – Clifton Fenech