Ritratti: Mumenti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Indipendenza

DOI - Jason Borg

Bosta attivitajiet kienu skedati fil-festa Nazzjonali tal-Indipendenza sabiex ifakkru 54 sena minn meta Malta kisbet l-Indipendenza u bdiet tieħu d-deċiżjonijiet għaliha nnifisha.

Il-ġurnata bdiet bit-tluq tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ Gwardja tal-Unur minn Misraħ il-Ħelsien għal Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Dan ġie segwit minn Quddiesa Pontifikali u Te Deum fil-Konkatidral ta’ San Ġwann immexxijja mill-Mons. Arċisqof Charles Scicluna li għaliha attendew il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, bosta Ministri u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.

Fit-tmiem tal-Pontifikal, sar it-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza li jinsab il-Furjana, mill-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, fit-8pm, se jsir kunċert speċifikament għal din il-festa, mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Mro Micheal Laus bil-parteċipazzjoni tal-mezzo sopran Claire Massa fil-Bitħa tal Palazz Presidenzjali ta’ San Anton, Attard.

“Nawguraw il-festa t-tajba lill-poplu Malti” – Michael Pompeo

Is-Segretarju għall-Istat tal-Istati Uniti, Michael Pompeo kiteb ittra fejn feraħ lill-poplu Malti f’Jum l-Indipendenza u fakkar kif il-ħbiberija bejn l-Istati Uniti u Malta tmur lura 200 sena. Fakkar kif meta l-Amerka kienet fil-ġlieda tagħha għall-indipendenza, mal-1,000 Malti marru sabiex jassistu lill-kolonji Amerikani. Sostna li kien propju immigrant Malti, John Pace, li daqq il-qanpiena tal-libertà.