Ritratti: Mudella bla idejn tista’ tkun Miss Messiku

Ana Gabriela Molina hi żagħżugħa ta’ 24 sena li twieldet bla dirgħajn. Issa qed tittama li tirbaħ il-konkors Miss Veracruz biex aktar tard tkun tista’ tikkompeti fil-konkors ta’ sbuħija Miss Messiku bil-ħieb li tispiċċa tikkompeti fil-Miss World ta’ din is-sena.

Hu maħsub li tfajliet li jieħdu sehem f’konkorsi ta’ sbuħija għandhom ikunu jidhru perfetti. Iżda Gabriella trid turi li dan m’għadux jgħodd u hija trid tkun ta’ eżempju għal dawk li jħossu li m’humiex perfetti.

Sa minn meta kienet tifla ċkejkna Gabriella dejjem ħolmot li tieħu sehem f’konkors ta’ sbuħija. Il-ġenituri tagħha dak iż-żmien ma tantx għamlulha kuraġġ u kienu jgħidulha li xi ħadd bil-kundizzjoni tagħha qatt ma setgħet tispiċċa fuq il-palk ma’ kontestanti oħra.

Din is-sena Gabriella diġà rebħet il-konkors Miss Nanchital 2020 fejn twieldet u issa jmiss fil-Miss Vercruz.

Gabriella rebbieħa tal-konkors Miss Nanchital 2020

F’Diċembru li għadda ħadet degree fil-piskoloġija u qed tkun mistiedna f’bosta laqgħat u konferenzi fejn ikunu motivati persuni li jħossuhom nieqsa mill-kunfidenza fihom infushom.

Gabriella tgħid li l-ebda ħolma ma hija impossibbli biex issir realtà.