Ritratti: Monument għall-vittmi tal-Um El Faroud fid-daħla ta’ Bormla

Fid-daħla ta’ Bormla, fi Triq Daħlet it-Tlett Ibliet qed isir xogħol ta’ tisbiħ mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Matul dawn ix-xogħlijiet qed jiġu miżrugħa pjanti tal-Oleander, fjuri u Tamarisk f’soil strip ġdida.
Għalkemm residenti fil-Kottonera ħasbu li b’dawn ix-xogħlijiet kien se jinbidel il-mod ta’ kif jimxi t-traffiku, kelliema għall-Ministeru għat-Trasport ikkonfermat li m’hemmx dan il-ħsieb.
Twaħħal ukoll sett ta’ dawl tat-triq ġdid biex permezz ta’ din is-sistema ġdida tneħħew il-lanterni u l-wajers minn mas-swar.
Fl-istess sit jinsab għaddej ix-xogħol fuq il-monument li se jsir bħala tifkira għall-vittmi tad-diżgrazzja tal-Um El Faroud li ġrat 19-il sena ilu.
Dakinhar tat-3 ta’ Frar tal-1995 kienu tilfu ħajjithom disa’ ħaddiema tat-Tarzna.
Illum il-ġurnata, l-fdalijiet tal-Um El Faroud jinsabu fil-qiegħ tal-baħar ‘il barra minn Wied iż-Żurrieq.