Ritratti: Mogħoż jinvadu belt f’Wales bis-saħħa tal-coronavirus

Merħla mogħoż tar-razza Kashmir invadiet il-belt ta’ Llandudno f’Wales meta t-toroq spiċċaw vojta wara li r-residenti ma ħarġux minn djarhom minħabba l-coronavirus.

L-annimali li s-soltu jkunu jimirħu fil-kampanja qrib il-belt għaddew l-aħħar ġimgħa jiġru fit-toroq igerrmu kull tip ta’ ħaxix li jsibu taħt ħalqhom, fosthom fjuri u l-arbuxelli li jdawru xi djar fil-post. Ma kien hemm ħadd li jkeċċihom.

Carol Marubbi, kunsilliera fil-belt, qalet li l-mogħoż qatt ma jidħlu fil-belt ħlief f’dawk l-każi rari meta jkun hemm xi maltempata. Imma din id-darba jidher li ħassew li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu għax kien hemm kwiet kbir madwarhom. Kompliet tgħid li normalment ikun hemm xi wħud li jmorru jżuru lill-mogħoż meta kienu fil-kampanja għax jiggustawhom.

“Peress li bħalissa ħadd ma mar jarahom naħseb li ħassew li jkunu huma li jfittxu lin-nies biex jarawhom,” qalet b’daħka.

Marubbi qalet li l-merħla fiha madwar 150 mogħża li xi wħud minnhom kellhom il-frieħ fi Frar.

Dawn il-mogħoż ilhom jimirħu qrib il-belt sa minn żmien ir-Reġina Vittoria meta r-razza tal-Kashmir saret popolari peress li s-suf tagħhom beda jintuża biex isiru x-xalel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn