Ritratti: Mixja favur l-imħabba fi New Zealand; il-moskej jiftħu mill-ġdid

Reuters

Madwar 3,000 persuna mxew fi Christchurch f’mixja għall-imħabba s-Sibt filgħodu, f’ġieħ il-memorja tal-50 persuna li nqatlu fi New Zealand il-ġimgħa li għaddiet, f’attakk terroristiku f’żewġ moskej. Il-moskej reġgħu nfetħu uffiċjalment wara l-massakru.

Aġġornata(2): Ritratti: Jattakka 2 moskej fi New Zealand; 49 mejta u 40 midruba

In-nies li pparteċipaw f’din il-mixja kantaw innu ta’ paċi tal-Maori, u ġarrew tabelli bil-kliem, “Ried joħloq il-firda, imma rnexxielu jsaħħaħna,” u “Il-Musulmani merħba bihom, ir-razzisti le.”

Waħda mill-organizzaturi ta’ din il-mixja, tfajla ta’ 16-il sena, qalet li l-mibegħda ġabet ħafna dlam fil-belt tagħhom, għalhekk kellhom bżonn juru ftit imħabba biex iġġib id-dawl.

Bil-pulizija armati fuq il-post, il-moskea Al Noor, li fiha nqatlu iżjed minn 40 Musulman, reġgħet fetħet għat-talb. Hekk għamlet ukoll il-moskea Linwood, li wkoll sfat vittma ta’ Brenton Tranner. Wieħed mill-persuni li kienu preżenti fil-moskea waqt l-attakk u li ra lil sħabu jinqatlu quddiem għajnejh qal li lest li jmur lura fil-moskea peress li hu l-post fejn jiltaqgħu biex jitolbu.

Ħafna mill-vittmi ta’ dan l-attakk kienu immigranti jew refuġjati minn pajjiżi bħall-Pakistan, l-Indja, il-Malażja, l-Indoneżja, it-Turkija, is-Somalja, l-Afganistan u l-Bangladexx.

Aqra iktar:

New Zealand se joħroġ liġi kontra l-armi li ntużaw fil-massakru ta’ 50 persuna

Il-Pulizija fi New Zealand tammetti żball fil-lista tal-persuni maqtula

“Ippjana l-attakk fi New Zealand bħal qisu f’logħba vjolenti” – Psikjatra