Ritratti: Misjuba 53 tajra protetta ffriżata f’ħanut fil-Mosta

Read in English.

L-Iskwadra Amministrattiva tal-Infurzar tal-Liġi sabu 53 tajra mejta f’ħanut fil-Mosta. Il-maġġoranza tat-tajr hu protett. Instabu wkoll ammont ieħor ta’ tajr ibbalzmat f’residenza privata fil-Mosta stess.

Skont stqarrija maħruġa mill-Pulizija, għall-ħabta ta’ 12:00pm il-Pulizija ġiet infurmata li ntlemaħ raġel dieħel f’ħanut fi Triq Ġużeppi Callus, il-Mosta b’allegatament tajra protetta f’idu. Kien ikkonfermat li r-raġel daħal b’ajkla.

Il-Pulizija marret fuq il-post u minn tfittxija li għamlet, ġew elevati 53 tajra mejta li kienu fi friża fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ħanut fosthom ajkli, ċikonji u papri.

Fi tfittxija oħra li saret fir-residenza tar-raġel, li għandu 32 sena, fil-Mosta, instab ammont ieħor ta’ tajr ibbalzmat. It-tajr kollu ġie kkonfiskat u r-raġel qed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija li għadhom għaddejjin.