Ritratti: Misjub xelter tat-Tieni Gwerra fil-Mellieħa; “Ir-rapport ma tfaċċa qatt” – Cutajar

Waqt li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien għaddej b’xi xogħlijiet biex jibdel sitt tarġiet f’rampa, instab xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija fi Triq Ġorġ Borg Olivier. Is-Sovritendenza għall-Wirt Storiku ntalbet tagħmel rapport fuq ix-xelter, u għalhekk, kellhom jitwaqqfu x-xogħlijiet. Iżda l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar qal li dan ir-rapport qatt ma tfaċċa, minkejja li huwa staqsa għalih kemm-il darba fil-Parlament lill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.

X’ingħad fil-Parlament?

F’mistoqsija parlamentari fis-26 ta’ Marzu, Cutajar, il-Whip tal-Oppożizzjoni, staqsa lill-Ministru Bonnici dwar dan ix-xelter u dwar x’se jsir biex jiġi protett. Il-Ministru wieġbu li għandu jsir rapport mis-Sovritendenza, u li x-xogħlijiet jitkomplew skont l-eżitu tar-rapport.

Fit-30 t’April, Cutajar talab lil Bonnici jippreżenta r-rapport fil-Parlament, u qal li x-xogħol ta’ kostruzzjoni baqa’ għaddej minkejja dak li kien qal qabel il-Ministru. Il-Ministru, fis-7 ta’ Mejju, qal lil Cutajar li x-xogħol li sar kien minimu u mhux ta’ detriment għax-xelter. Huwa qal li fit-13 t’April, is-Sovritendenza rċeviet stħarriġ u ritratti mingħand il-perit. Qal li skont dan it-tagħrif, parti mix-xelter hi madwar metru u nofs ‘il ġewwa mill-wiċċ tal-blat, u hemm kuritur parallel mal-wiċċ tal-blat twil seba’ metri. Imbagħad, hemm ħajt li jinbarra l-kumplament tax-xelter. Il-Ministru qal li b’dan it-tagħrif is-Sovritendenza kkonkludiet li x-xogħlijiet tal-Kunsill Lokali mhumiex ta’ dannu għax-xelter, iżda “għandha tittieħed kull prekawzjoni … biex jassigura li ma ssirx ħsara.”

Fis-7 t’April, Cutajar reġa’ staqsa lill-Ministru biex jippreżenta r-rapport, u l-Ministru minflok ippreżenta l-pjanti tax-xelter u r-ritratti, iżda mhux ir-rapport tas-Sovritendenza nnifsu jew rapporti oħra relatati.

“Ir-rapport ma ngħata qatt”

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Cutajar, li qal li huwa diżappuntat għaliex ir-rapport ma ngħata qatt minkejja li hu kien ilu xhur sħaħ jitolbu lill-Ministru. Il-pjanti u r-ritratti mgħoddija fil-Parlament mhumiex ir-rapport propja, tenna Cutajar. Insista li jeħtieġ li dan ir-rapport jiġi ppreżentat peress li huwa ta’ interess pubbliku ladarba jikkonċerna wirt storiku Malti.

Skont sorsi oħra, jidher illi l-perit ma ċċertifikax ir-rapport imsemmi, u donnu li dan baqa’ misteru. Newsbook.com.mt sar jaf ukoll illi x-xogħlijiet waqfu għal ftit ġranet, imma mbagħad reġgħu bdew, saħansitra kienu għaddejjin anke f’jum l-elezzjoni fil-25 ta’ Mejju, meta kien se jiġi elett kunsill lokali ġdid.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mas-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Dario Vella, li talab li jintbagħtu l-mistoqsijiet b’email.