Ritratti: Minn skart goff għal ġnien pubbliku f’Ħad-Dingli

DOI: Kevin Abela

Ir-residenti ta’ Ħad-Dingli għandhom ġnien ġdid, il-Ġnien Joseph Farrugia, f’art li fiha kien jintrema l-iskart goff.

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg inawguraw dan il-ġnien ilbieraħ flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.

Il-Ministru Borg spjega li din l-art kienet art pubblika li l-Gvern għadda lill-Kunsill fuq talba tal-Kunsill stess. Huwa faħħar id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li ħa ħsieb ineħħi l-iskart goff, jirranġa l-passaġġi u joħloq żona fejn isiru l-pikniks.

Il-ġnien issemma għal Joseph Farrugia, li kien fundatur tal-Għaqda Bdiewa Progressivi u ħadem qatigħ għad-drittijiet tal-bdiewa.

Il-Ministru Herrera qal li l-ħidma favur it-tħaddir u żoni ħodor fl-irħula hija ffinanzjata b’somma ta’ aktar minn €1 miljun.