Filmat: Mina ta’ 9km bejn Pembroke u Ta’ Qali: L-istess kwalità ta’ ilma

Beda t-tħaffir ta’ mina ta’ 9 kilometri u nofs bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis f’Pembroke u l-ġibjun f’Ta’ Qali bl-iskop ta’ ilma bi kwalità aħjar, mingħajr żieda ta’ ġebla jew minerali oħra.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Richard Bilocca, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li spjega li permezz ta’ magni ġodda, l-effiċjenza tal-ilma kważi se tirdoppja.

Permezz ta’ dan il-proġett li huwa maħsub biex itejjeb il-kwalità tal-ilma f’ħafna naħat ta’ Malta u biex itejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, nies li joqogħdu f’Pembroke, f’Ta’ Qali u f’Marsaxlokk, għandu jkollhom l-istess kwalità ta’ ilma.

Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari għall-Enerġija Joe Mizzi u Aaron Farrugia żaru l-impjant, fejn Bilocca spjegalhom fiex waslet il-ħidma, u l-vantaġġi ta’ din il-mina.

Il-proġett hu parti mill-proġett fuq skala ikbar Net Zero Impact Utility tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma. Il-proġett huwa kordinat mill-istess korporazzjoni u kofinanzjat mill-Fondi tal-Koeżjoni tal-UE.