Ritratti: Min rebaħ fit-tellieqa tal-mountain biking fl-Imġarr?

Maurice Formosa (The Cyclist) żamm l-ewwel post fit-tieni tellieqa tal-BDO Malta Cross Country National Point Series  li saret fl-aħħar Ħadd ta’ Frar. 
Din id-darba, kien iċ-ċirkwit tal-Imġarr li laqa’ numru rekord ieħor ta’ parteċipanti, wirja oħra tal-entużjażmu li qed juru ċ-ċiklisti lejn l-isport tal-Mountain Biking.   
Iċ-ċirkwit ta’ 4.5km fl-Imġarr joffri xenarju mill-isbaħ u kkaratterizzat minn art mhux maħduma u blat xagħri li jgħollu l-livell tekniku tal-korsa.
Kategorija Elite
Battalja mill-isbaħ sal-aħħar dawra għall-podju Elite kienet miġġielda sew minn Maurice Formosa (The Cyclist), Etienne Bonello (Team Greens) u Patrick Scicluna (Mosta AF Sign Studio) li mexxew il-grupp mill-bidu nett. 
Formosa u Bonello bdew ras imb ras, għalkemm Formosa attakkat fuq il-parti dejqa tal-kors fit-tieni dawra biex jagħti lilu nnifsu vantaġġ ta’ 13-il sekonda Bonello. Formosa żamm dan ir-ritmu u vantaġġ tiegħu fuq Bonello, għalkemm Bonello għamel tentattivi validi biex inaqqas dan id-distakk. Formosa wera l-forma tajba li qed igawdi bħalissa u għal darb'oħra rebaħ it-tellieqa f’hin ta’ siegħa 12-il minuta 35 sekonda. Bonello ħa t-tieni f’ħin ta’ siegħa 14-il minuta u 27 sekonda. Scicluna ta prestazzjoni konsistenti biex segwa fit-tielet post f'siegħa 17-il minuta 39 sekonda.
Ma kienx hemm tibdil fil-klassifika ġenerali f'din il-kategorija, meta Formosa, Bonello u Scicluna jibqgħu fl-ewwel tliet postijiet rispettivament.
Kategorija Open
Għal darb'oħra din il-kategorija laqgħet aktar uċuħ ġodda. Ack Hili, li fl-ewwel tellieqa tas-Serje daħal fit-tielet post, iddomina it-tellieqa u baqa’ fl-ewwel post sal-aħħar meta rebaħ il-korsa ta’ ħames dawriet f’ħin ta’ 55 minuta 36 sekonda. Fit-tieni post kien Mattew Gauci, li segwa f'57 minuta 3 sekondi – Gauci ma kienx qrib il-podju fl-ewwel tiġrija meta hu ħa s-sitt post. Francesco Sultana, ir-rebbieħ ta l-ewwel tellieqa tas-serje ħa t-tielet post fil-ħin ta '57 minuta 51 sekonda. B'rebħa waħda kull wieħed Hili u Sultana issa għandhom punti ugwali fil-klassifika ġenerali, segwiti minn Matthew Gauci. Din il-kategorija se tkun waħda interessanti dan l-istaġun bil-wirjiet determinanti li qedin jintwerew.
Kategorija Nisa 
Minkejja l-fatt li l-parteċipazzjoni kienet kemxejn diżappuntanti, ma kienx hemm nuqqas t’azzjoni. Bin-nuqqas ta’ waħda mill-aqwa ċiklisti femminili Marie Claire Aquilina , kien evidenti li Danica Bonello Spiteri (Team Greens) kienet il-konkorrent prinċipali għall-ewwel post fuq il-podju. Madanakollu, Claudine Gatt (Mosta AF Sign Studio) kienet lesta biex tpatti għad-diżappunt tagħha fl-ewwel tellieqa meta hi kellha tieqaf  fit-tieni dawra minħabba problemi tekniċi. Bonello Spiteri ħadet l-inizjattiva mill-bidu nett u żammet il-pożizzjoni tagħha sal-aħħar. Bonello Spiteri lestiet l-erba dawriet tal-korsa f'siegħa 11-il minuta 43 sekonda. Gatt tat spinta qawwija biex tnaqqas id-distakk u segwiet fit-tieni post f’37 sekonda wara Bonello Spiteri. Fiona Darmanin Tedesco daħlet fit-tielet post f'siegħa 18-il minuta u 20 sekonda. Bir-rebħa tal-Ħadd Bonello Spiteri issa qiegħda fl-ewwel post fil-klassifika ġenerali.
Gruppi tal-Età
Daniel Vella, Paul Zarb (The Cyclist) u Brian Magri ħadu l-unuri tal-Kategorija tal-Juniors, Masters 40+ u Masters 50+.
Il-Cross Country National Points Series hija sponsorjata minn BDO Malta u appoġġjata minn PASH The Healthy Option, SIS (Carm. & Co. Ltd.), H2only (Island Beverages Ltd.), Camilleri Marine Ltd., AF Sign Studio, The Cyclist, Wheel Wizard, Magri Cycles u MTB Malta.
Il-BDO Malta Cross Country National Point Series bdiet f'Jannar u se tispiċċa f'Mejju meta sseħħ il-ħames tellieqa tas-Serje. It-tellieqa li jmiss se ssir nhar il-Ħadd 18 ta' Marzu fil-Majjistral.