Ritratti: Mill-Vatikan u Betlem, jasal fejn it-Tritoni

Monique Agius

Fadal 50 jum għall-Milied iżda l-‘presepju tal-Vatikan’ diġà ntrama fi Pjazza Tritoni.

Għal din is-sena peress li l-Belt kapitali ħadet l-isem tal-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, il-presepju li kien intrama fi Pjazza San Pietru fl-2016 din is-sena tpoġġa fil-Belt Valletta biex il-Maltin, li ilhom jisimgħu u jaraw ritratti tiegħu għal dawn l-aħħar sentejn, ikunu jistgħu jżuruh u jammiraw l-istil Malti f’dan il-presepju.

Il-presepju, xogħol l-artist Għawdxi Manwel Grech, is-sena l-oħra kien tpoġġa fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betlem, faċċata tad-dħul għall-knisja ta’ Santa Katarina li lejlet il-Milied tkun l-attrazzjoni ewlenija tad-dinja kollha.

Dan il-presepju Malti fih 17-il persunaġġ, li huma kollha lebsin kostum Malti, u għandu elementi u karattri Maltin, bħar-rieqed, l-għaġeb, ix-xabbatur u San Ġorġ Preca.  Il-luzzu Malti, protagonisti ieħor fil-presepju, kien tpoġġa fix-xenarju biex ifakkar lil dawk li tilfu ħajjithom fil-Mediterran waqt li kienu qed jaqsmu l-baħar bit-tama ta’ ħajja aħjar fl-Ewropa, tema li baqgħet kurrenti matul dawn is-sentejn.