Ritratti: Miljun persuna joħorġu jipprotestaw fuq il-Brexit f’Londra

Madwar miljun persuna ħarġet fit-toroq ta’ Londra llum jinsistu li l-Gvern Ingliż jagħti lill-Brittaniċi d-dritt li jiddeċiedu huma x’jiġri dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Skont Simon Thomson, li hu l-kap tal-midja internazzjonali fil-Kampanja People’s Vote, dawk li qed jipparteċipaw fil-Manifestazzjoni “Put it the People” qed jagħmlu hekk għal diversi raġunijiet: xi wħud huma rrabjati u frustrati b’kif żvolġa l-proċess tal-Brexit politikament, oħrajn biddlu fehemthom minn mindu vvutaw biex jitilqu mill-Unjoni Ewropea, oħrajn viċiversa.

Kompla jgħid li n-nies diġà qed jaraw l-effetti tal-Brexit, pereżempju mill-għoli tal-ħajja, u mill-kriżi ta’ fondi fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa.

Fl-organizzar ta’ din il-manifestazzjoni kien hemm bżonn ta’ madwar 200 kowċ sabiex jieħdu nies mill-ibgħad Tramuntana fil-muntanji Skoċċiżi sal-ibgħad Nofsinhar f’Cornwall. Huwa nnota li ħafna kowċis huma ġejjin minn postijiet li fil-maġġoranza tagħhom kienu favur il-Brexit, bħal Yorkshire u Leeds.