Ritratti: Fi Mġarr ix-Xini miexi x-xogħol għall-film ta’ Jolie

Issa li ż-żmien qed jagħfas u l-koppja ta' Hollywood Angelina Jolie u Brad PItt jaslu f'Għawdex biex jibda l-iffilmjar tal-film il-ġdid tagħhom, f'diversi nħawi ta' Mġarr ix-Xini, beda x-xogħol biex kollox ikun lest għal meta tasal il-koppja.
Sa issa diġa ntramat tinda bajda u għaddejja l-ħidma biex jintrama scaffolding kbir.
Il-fotografu Franco Tabone, għoġbu jagħtina r-ritratti li ħa din il-ġimgħa stess f'din il-bajja pittoreska.
Ta' min isemmi li minħabba dan il-film, koppja Ingliża li f'Ottubru li ġej kienet se tiżżewweġ fi Mġarr ix-Xini se jkollha tfittex post alternattiv wara li wisq probabbli, il-bajja se tkun magħluqa minħabba l-film ta' Brangelina.
Il-ġbid tal-film se jibda lejn l-aħħar ta' Awwissu, se jdum għaddej madwar 8 ġimgħat u mistenni jitfa' madwar €20 miljun fl-ekonomija Għawdxija.