Ritratti: Michela tagħmel it-tieni prova tagħha għall-Eurovision: Jinbidlu l-ħwejjeġ

Ritratt: Andres Putting

Michela Pace għadha kemm għamlet it-tieni provi tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha fit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest għal nhar il-Ħamis li ġej.

Il-filmat uffiċċjali jkun jista’ jintwera onlajn aktar tard matul il-ġurnata, wara li d-delegazzjoni u t-tim wara Michela jara l-provi li ġew iffilmjati.

Mill-ewwel prova għal dik tal-lum, nbidlu l-ħwejjeġ li bihom tat il-wirja tagħha għalkemm il-kulur abjad jidher li se jkun il-kulur ta’ ħwejjiġha. Flok bil-jeans. Michela tidher tkanta liebsa shorts u ġakketta bi kmiem trasparenti.

Madanakollu dan ma jfissirx li l-ħwejjeġ tal-lum huma dawk li Michela se tkun qed tilbes fis-semi finali u l-ilbies tagħha nkunu nafuh nhar l-Erbgħa meta jsiru l-ewwel dress rehearsals.

Ritratt: Andres Putting

Skont l-ewwel rapporti li waslu minn Tel Aviv, qed jingħad ukoll li kien hemm xi bdil fil-props li ntużaw għal din il-wirja,  hekk kif it-tieqa li bdiet il-prova biha fil-prova ta’ nhar it-Tlieta, ġiet eliminata għal kollox u issa hemm grafika għaddejja.

Ritratt: Andres Putting

L-istess rapporti jindikaw li għal din il-prova, il-kantanta Għawdxija ta’ 18-il sena ħarġet b’aktar kunfidenza mill-ewwel darba li telgħet fuq il-palk tal-Eurovision f’Tel Aviv, fl-Iżrael.

Interessanti ninnuttaw li anki ż-żeffiena li qed jakkumpanjaw lil Michela għandhom ħwejjeġ differenti u llum taw il-wirja tagħhom lebsin bl-abjad flok bil-ħwejjeġ kkuluriti li rajnihom fl-ewwel prova.

L-abjad b’hekk jidher li jaqta’ ferm aħjar fuq il-palk minħabba fl-isfond ta’ kuluri differenti li l-ħin kollu jinbidel wara Michela u ż-żeffiena tagħha.

Fil-ħin li ġej Michela tkun qed tiltaqa u twieġeb mistoqsijiet mal-ġurnalisti waqt konferenza stampa li ssir wara kull prova.

Ritratt: Andres Putting

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.