Ritratti: “M’hemmx bżonn konferma oħra għall-fidi li qed niċċelebraw” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-fidi li qed tiċċelebra l-Knisja f’din is-solennità, hija fidi kkonfermata mix-xhieda tal-appostli, mis-suċċessur ta’ Pietru u għalhekk ma hemmx bżonn ta’ konferma oħra.
Monsinjur Scicluna qal dan waqt il-Pontifikal tas-Solennità ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem, fir-Rotunda tal-Mosta u li matulha ta merħba lin-Nunzju Appostoliku l-Ġdid għal Malta, l-Isqof Alessandro D’Errico.
Waqt il-paniġierku, l-Arċisqof irrifletta fuq Marija bħala Reġina tal-Appostli u fuq diversi mumenti, fil-ħajja tagħha, li fihom kienet viċin l-Appostli, anke fil-mumenti l-aktar diffiċli.
L-Arċisqof saħaq li kif għamlet fit-tieġ ta’ Kana, Marija dejjem għallmet lid-dixxipli ta’ Ġesù, kif għadha tgħallem lill-Insara tal-lum, biex jagħmlu dak li jgħidilhom Ġesù.
Irrefera għar-riflessjoni tal-Papa Franġisku fuq dan l-Evanġelju meta jgħid li r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana “jurina kemm Alla huwa ġeneruż magħna” u li kienet Marija li qanqlet qalb Ġesù biex iwettaq “l-ewwel sinjal”.
Saħaq li bl-istess mod illum, waqt li l-Knisja tiċċelebra l-Għid tal-Assunta, l-irxoxt ta’ Marija, il-Knisja tara l-glorja ta’ Alla li temmen fih.
Monsinjur Scicluna rrefera għal kliem l-Appostlu San Pawl meta qal li jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll jseħħ il-qawmien mill-imwiet, u saħaq kif Alla ried li jagħżel lil Marija biex tgħaddi minn din l-esperjenza qabel kulħadd, biex tkun “tama” għal min jemmen.
Irrefera għal mumenti oħra meta Marija kienet viċin l-appostli, anke meta dawn telquh.
“Ma nafx x’qaltilhom lill-appostli l-ewwel darba li ltaqgħet magħhom fiċ-ċenaklu. Il-ħarsa tagħha nimmaġina li kienet biżżejjed,” qal l-Arċisqof. Imma saħaq li Marija kienet taf li l-wegħda ta’ Ġesù ma kinitx se tonqos u kien se jqum mill-imwiet.
Tkellem dwar ir-rakkont antik De Transitu Virginis, li jirrakkonta l-ġrajja tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija bir-Ruħ u l-Ġisem u li għalih kienu preżenti wkoll l-appostli.
“Huwa rakkont antik u aħna ma konniex hemm,” qal l-Arċisqof. Minkejja dan qal li nilqgħuh bħala rakkont għalina għax l-Appostli riedu mhux biss ixandru l-fidi fil-qawmien tal-Iben imma wkoll il-fidi fl-irxoxt tal-omm.
Kien hawn li saħaq li għal fidi ċċelebrata llum ma hemmx bżonn konferma oħra.
Intant fi tmiem il-Pontifikal, in-Nunzju ġdid għal Malta spjega x’se tkun il-missjoni tiegħu u qal li jrid iwassal f’Malta l-messaġġ tal-Papa Franġisku, ta’ Knisja miftuħa li toħroġ mis-sagristiji u tmur lejn il-periferiji.
In-Nunzju ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-Arċisqof Charles Scicluna.

Ritratti: Ian Noel Pace