Ritratti: Matthew Asciak u Elaine Genovese jirbħu l-Kampjonati BOV tat-Tennis

Matthew Asciak u Elaine Genovese huma r-rebbieħa tal-BOV Tennis Masters u l-BOV Ladies Top 6 rispettivament.

Elaine Genovese għelbet lil Emma Montebello 6-1 6-0 fil-finali tal-Ladies Top 6. Genovese, li rebħet l-aħħar edizzjoni ta’ dan il-kampjonat tan-nisa li saret fl-2016 użat l-esperjenza tagħha kontra l-avversarja tagħha li għad għandha 12-il sena li pproduċiet livell għoli ta’ tennis minkejja d-differenza kbira fil-punteġġ.

Fil-BOV Men’s Masters, Matthew Asciak żamm it-titlu li pratikament għamlu tiegħu billi għeleb lill-istudent tiegħu Alex Degabriele 6-1 6-0. Il-logħba kien fiha rallies twal u kumbattuti fejn l-esperjenza ta’ Asciak kienet il-punt kruċjali.

Charles Azzopardi, Executive PR and Marketing fi ħdan il-Bank of Valletta, akkumpanjat minn David Farrugia Sacco, President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis ippreżenta t-trofej liċ-champions.

Il-BOV Tennis Masters u l-BOV Ladies Top 6 huma organizzati mill-Federazzjoni Maltija tat-Tennis u fihom jipparteċipaw l-aqwa 8 plejers irġiel u 6 plejers nisa f’Malta skont ir-ranking tal-MTF. Il-kampjonati kien ospitati mill-Marsa Sports Club u appoġġjati mill-Bank of Valletta.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).