Filmat: Marsalforn – In-nies jgħumu u l-ħidma tal-AFM ‘tkompli’

Hekk kif dalgħodu ssokta t-tiftix għat-tfajla Franċiża ta' 17-il sena fix-Xwejni, limiti ta' Marsalforn, kienu bosta dawk li sfidaw il-baħar imqalleb u marru jgħumu fil-bajja tax-Xwejni kif ukoll f'dik tal-Qbajjar.

F'kuntatt li għamel Newsbook.com.mt mal-Forzi Armati ta' Malta u l-pulizija rriżulta li ħelikopter tal-AFM intbagħat fl-inħawi għal ħabta tas-7am, f'xi ħin wara nofsinhar kif ukoll għal ħabta tas-6.45 pm.

Dan minkejja li l-operazzjoni ta' tiftix ġiet sospiża minħabba l-kundizzjoni tal-baħar. 

Il-ħidma intensiva mill-AFM mistennija tissokta hekk kif tbatti l-qawwa tal-baħar.

Huwa mifhum li t-tiftix għat-tfajla mhux limitat għall-inħawi tax-Xwejni u l-Qbajjar, iżda qed isir mal-kosta Għawdxija.

Għal ħabta tal-5pm tal-bieraħ, il-pulizija, membri tal-protezzjoni ċivili, l-AFM u l-ambulanza marru fuq il-post hekk kif żewġ Franċiżi sabu ruħhom f'diffikultajiet waqt li kienu qed jgħumu.

Il-katavru ta’ raġel ta’ 53 sena ttella’ mill-baħar minn ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta lbieraħ wara nofsinhar.

Informazzjoni li kiseb Newsbook minn fuq il-post tindika li t-tfajla li mietet hi ħabiba ta' bint ir-raġel li tilef ħajtu f'din it-traġedja.

Kienet bint ir-raġel flimkien ma' ommha li bdew jgħajtu għall-għajnuna wara li l-raġel u t-tifla ma reġgħux lura lejn l-art.