Ritratti: Maronia Mallia tirbaħ it-2 edizzjoni tal-Ladies Demolition

Maronia Mallia rnexxielha tirbaħ it-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition 2020. Il-parteċipanti ta’ din it-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition 2020 kienu Panthea Butler, Nadette Magro, Brenda Bongailas, Francesca Schembri, Jessica Magro Butler, Michaela Sammut, Maronia Mallia u Carol Bowell.

Għal ħames pateċipanti minn tmienja din kienet it-tieni esperjenza tagħhom waqt li t-tliet l-oħra ħadu sehem l-ewwel darba.

Kif niżlu fil-korsa l-ewwel għamlu parata ta’ zewġ dawriet bħalma hija t-tradizzjoni ta kull demolition u wara ngħata s-sinjal għall-bidu ta’ din id-derby. It-tmien kompetituri għamlu show mill-isbaħ. Wara kważi siegħa ta’ battalja bejn dawn il-karozzi kien għad fadal dwell bejn Magro Butler u Mallia fejn għal kwazi 15-il minuta ż-żewġ kompetituri ndew jagħtu u jaqilgħu daqqiet biex jippruvaw iwaqqfu lil xulxin mit-tiġrija.

Minkejja li l-karozza ta’ Mallia dehret b’saħħitha aktar, dik ta Magro Butler kellha l-partijiet ta’ wara tal-vettura mkissra sew. Minkejja dan is-sitwazzjoni il-karozzi ta’ Magro Butler u ta’ Mallia xorta waħda baqgħu jimxu u jduru biex isibu l-opportunità li jagħtu d-daqqiet lil xulxin.

Mallia, għalkemm bl-ilma ħiereġ mir-radiator, irnexxiela tistartja l-karozza u ssuqha. Hija rnexxielha finalment ittemm l-avventura ta’ Magro Butler. Mallia ġiet iddikjarat rebbieħa ta’ din it-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby 2020.

Ir-riżultat tas-Sezzjoni Autocross tal-ġurnata intrebħet minn Jean Paul Grech segwit minn Andrew Pisani u Noel Zammit.

Il-finali Autocross Klassi B intrebħet minn Justin Buttigeig segwit minn Paul Formosa u minn Michael Galea.

Il-kompetituri kollha ngħataw medalji ta’ parteċipazzjoni mill-President tal-Assoċjazzjoni. Il-Viċi President u s-Segretarju Ġenerali ppreżentaw it-trofej lir-rebbieħa Maronia Mallia u lir-Runner-Up Jessica Magro Butler.

Attività oħra Autocross mistennija ssir nhar il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2020 fejn se tiġi organizzata is-seba’ attività tal-istaġun.