Ritratti: Mara pożittiva għall-coronavirus twelled tarbija f’saħħitha fil-Belġju

REUTERS/Yves Herman

Read in English.

Mara fil-Belġju li nstabet pożittiva għall-coronavirus welldet tarbija f’saħħitha, iżda issa trid titgħallem u tidra tkun ma’ bintha bl-użu ta’ maskli protettivi.

It-tarbija twieldet fit-23 ta’ April fi Brussell permezz ta’ ċesarja minħabba kumplikazzjonijiet li ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-marda respiratorja tal-coronavirus. Dawn waslu sabiex l-omm, li ma kinitx qed turi l-ebda sintomi tal-virus, tkun ittestjata. Minn hemm instabet pożittiva.

“Qaluli li se jagħmluli t-test għall-coronavirus u ħsibt li se joħroġ negattiv. Il-ġurnata ta’ wara l-ġinekologu qalli li t-test ħareġ pożittiv,” qalet l-omm lil Reuters.

Hi u liebsa maskla blu u żżomm lit-tarbija tagħha f’idejha, l-omm qalet li kien diffiċli għaliha li twelled waħedha.

“Bżajt ħafna minħabba fiha. Kien wild veru stramb, rajtha biss għal żewġ minuti,” qalet l-omm hi u tispjega kif wara t-twelid hi tmexxiet mill-ewwel f’unit oħra tal-isptar sabiex ma xxerridx il-virus.

“Ngħoddu lilna nfusna bħala persuni b’xortina tajba u nittamaw li tibqa’ f’saħħitha,” qalet l-omm dwar bintha. Ir-raġel tagħha tħalla jidħol ħdejha, ukoll liebes maskla protettiva. Intant, iż-żewġ uliedha l-oħrajn mhux jitħallew iżuruha minħabba r-riskju tal-coronavirus.

It-tarbija ma ġietx ittestjata s’issa, iżda t-tobba qalu li għandhom isirulha t-testijiet.

Intant, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li ommijiet ġodda li ttestjaw pożittiv għall-coronavirus għandhom ikunu nkoraġġuti jreddgħu lit-trabi tagħhom b’mod normali. Dan dejjem jekk tinżamm iġene tajba.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn