Ritratti: Maltin jgħallmu l-kompjuter fl-Afrika

Volontarjat Agara Maltin kompjuter Afrika

7 żgħażagħ Maltin marru f’Lesoto fl-Afrika t’Isfel fuq volontarjat, sabiex jgħinu biex jitwaqqaf ċentru tal-kompjuters għall-komunità.

Dan il-proġett, imsejjaħ in loco, huwa proġett tal-fondazzjoni Agara u l-intrapriża Amerikana Rise (Relationships Inspiring Social Enterprise).

Għada hija l-aħħar ġurnata għall-grupp ta’ voluntiera, li qattgħu dawn l-aħħar ġimagħtejn jgħallmu 11-il mexxej taż-żgħażagħ li se jkunu qegħdin imexxu dawn iċ-ċentri, wieħed fl-istitut God’s Love Centre f’Sekamaneng u l-ieħor f’Paballong, Ċentru tal-Kura għall-HIV/AIDS.

Permezz ta’ dan it-taħriġ, dawn il-komunitajiet se jkollhom aċċess għall-internet u għal programm sħiħ ta’ taħriġ fil-kompjuter.

Barra mit-taħriġ mogħti mill-voluntiera, il-Fondazzjoni Agara għamlet donazzjoni ta’ 14-il laptop użat li ġabret minn Malta.

Kemm il-mexxej tal-proġett min-naħa ta’ Agara, Adrian Cassar, u l-fundatriċi ta’ Rise, Daniela Gusman, urew l-apprezzament tagħhom lejn il-voluntiera u lejn xulxin talli seta’ jitwettaq b’mod daqshekk pożittiv dan il-proġett.