Il-Prim Ministru Malti Robert Abela qal li Malta tikkunsidra lil-Libja bħala ‘ħabib li tista’ tafda’ u lill-poplu Libjan ‘bħala aħwa tal-poplu Malti u Għawdxi.’ Huwa qal li għalhekk il-gvern jixtieq li din il-koperazzjoni tkompli u tkun ibbażata fuq fiduċja li ġejja miż-żewġ partijiet.
Il-Prim Ministru Abela qal dan waqt laqgħa mal-PM Libjan Faiez Mustafa Serraj li huwa l-President tal-Kunsill tal-Presidenza tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali Libjan fil-Berġa ta’ Kastilja bħala parti minn żjara statali.
Il-viżjoni tagħna hija proprju li jkun hemm aktar ħarsien tal-fruntieri, inqas traffikar uman, inqas attività kriminali u l-iktar importanti inqas telf ta’ ħajjiet. Apparti dan li jkun hemm titjib tal-kwalità tal-ħajja bis-saħħa ta’ fondi, l-aktar dawk mill-Unjoni Ewropea fil-Libja, l-Afrika u dawk ġara tal-Unjoni Ewropea.
Il-PM Robert Abela
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali Libjan Faiez Mustafa Serraj irringrazzja lill-Gvern Malti tal-merħba li ngħatat lid-delegazzjoni Libjana u sostna li ż-żjarat spissi li jsiru f’Malta huma sabiex dejjem ikun hemm aktar konsultazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi dwar diversi temi komuni u ta’ interess.
Il-President tal-Kunsill Libjan saħaq li l-isfidi li hemm fir-reġjun tal-Mediterran iridu jkunu ffaċċjati flimkien billi jkun hemm ħidma flimkien anke sabiex ikunu maħluqa opportunitajiet ġodda li minnhom igawdu kemm il-poplu Malti kif ukoll dak Libjan.
Kien Newsbook.com.mt li lbieraħ ħabbar li l-PM Libjan kien se jżur Malta llum.
“Kull parti tirrikonoxxi li hemm bżonn aktar protezzjoni tal-fruntieri”
Il-PM Abela qal li jista’ jikkonferma li kull parti tirrikonoxxi li hemm bżonn aktar protezzjoni tal-fruntieri kemm tal-Lvant tal-Ewropa, kemm taċ-ċentru tal-Mediterran, in-naħa ta’ isfel tal-Libja u aktar żoni fil-kontinent tagħna.
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni fi stqarrija qal li l-PM rringrazzja lill-Gvern Libjan “tal-ħidma li qed iwettaq biex ikunu protetti u salvati l-ħajjiet fil-Mediterran”. Spjega li Malta kienet għal bosta snin tirċievi numru ta’ immigranti minħabba l-attività kriminali tat-traffikar tal-umani. Huwa qal li dawn il-pressjonijiet komplew jiżdiedu u jintensifikaw fl-aħħar xhur. Il-Prim Ministru Malti ssokta jgħid li dwar dan is-suġġett kien hemm diskussjoni kemm-il darba kemm mal-Libja, kemm mas-sħab Ewropej u Afrikani kif ukoll ma’ oħrajn.
Kooperazzjoni f’numru ta’ setturi
Dr Abela tenna li din il-koperazzjoni testendi għal numru ta’ setturi importanti bħalma huma l-protezzjoni tal-fruntieri u l-ħtieġa ta’ aktar investiment li jassigura l-prosperità u s-sigurtà tar-reġjun tal-Mediterran. Iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-immigranti, li se jkun inawgurat illum, hu l-ewwel pass minn ħafna fi proċess wiesa’, saħaq il-Prim Ministru Malti.
Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma s-sapport tal-poplu Malti f’dan il-mument diffiċli għal-Libja. “Għalina l-Libja għandha tkun tal-Libjani u mmexxija minn Libjani. Il-Gvern Malti se jibqa’ jissapportja lil-Libja u se jkompli jħajjar aktar investiment sabiex ikun hemm aktar għajnuna waqt li l-Libja qed tibni lilha nnifisha. Dan kollu se jassigura aktar paċi u stabilità”, temm jgħid Dr Abela.
Bżonn il-paċi u l-istabbilità – il-President Vella

Il-President George Vella laqa’ lill-President tal-Kunsill tal-Presidenza Libjan tal-Gvern tal-Għaqda Nazzjonali tal-Libja Faiez Mustafa Serraj fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fejn iddiskutew is-sitwazzjoni preżenti u futura tal-Libja.
Il-President Vella saħaq fuq il-ħtieġa li ż-żewġ pajjiżi jaraw li jkun hawn il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun. Qal li ż-żjara tal-President tal-Kunsill tal-Presidenza Libjan tal-Gvern tal-Għaqda Nazzjonali tal-Libja f’Malta hija opportunità għaż-żewġ pajjiżi biex isaħħu r-relazzjonijiet u jġeddu l-kooperazzjoni fl-ambitu tal-immigrazzjoni u s-sigurtà fil-Mediterran, kif ukoll isaħħu l-ħbiberija li ilha għal deċenji sħaħ bejn Malta u l-Libja, mindu ġew stabbiliti r-relazzjonijiet diplomatiċi bejniethom.
Il-President Vella ħa pjaċir jiltaqa’ mill-ġdid mal-Ministru Libjan għall-Affarijiet Barranin Mohamed Taha Siala u l-Ministru Libjan għall-Intern Fathi Bashagha.
Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger