Ritratti: Malta tikkunsidra li jerġa’ jkollha ambaxxatur residenti f’Lisbona

Il-Ministru Carmelo Abela qal lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva li hekk kif din is-sena Malta qed tfakkar il-50 anniversarju minn mindu bdiet ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha mal-Portugall, qed tikkunsidra attivament li jerġa’ jkollha ambaxxatur residenti f’Lisbona.
Dan hekk kif għal dawn l-aħħar sitt snin l-ambaxxatur Malti għall-Portugall ma kienx residenti u l-ambaxxata Maltija fil-kapitali Portugiża minflok qed titmexxa minn 
Chargé d’Affaires.
Il-Ministru Abela esprima x-xewqa ta’ Malta li jerġa’ jkun hemm preżenza diplomatika tal-Portugall fil-gżejjer Maltin wara li l-ambaxxata Portugiża f’Malta ngħalqet fl-2012.
Il-Ministru qed jakkumpanja lill-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca fiż-żjara statali f'Lisbona, flimkien mal-Ministru 
għall-Ekonomija Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia.
Min-naħa tagħha, il-President Coleiro Preca ssuġġeriet li titwaqqaf kummissjoni konġunta biex iż-żewġ pajjiżi jikkoperaw fuq il-livelli kollha bħala proċess kontinwu.
Iddiskutiet ukoll mal-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali t-twaqqif ta’ parliametary friendship group.
Il-ftuħ mill-ġdid ta’ Ambaxxata Portugiża f’Malta u s-sitwazzjoni politika fl-Unjoni Ewropea ġew diskussi bejn il-President ta’ Malta u l-Prim Ministru tal-Portugall.
Coleiro Preca indirizzat għadd kbir ta’ rappreżentanti ta’ komunitajiet tan-negozju minn Malta u l-Portugall.
Ritratti: DOI – Kevin Abela