Ritratti: Malta tfakkar is-56 anniversarju tal-Indipendenza

DOI - Omar Camilleri

Malta llum qed tiċċelebra Jum l-Indipendenza, waħda mill-ħames festi nazzjonali tal-Gżejjer Maltin. Skont il-Kostituzzjoni tal-1964, Malta saret demokrazija parlamentari fi ħdan il-Commonwealth, l-għaqda tan-nazzjonijiet li kienu jiffurmaw parti mill-Imperu Brittaniku.

B’hekk illum qed jitfakkar is-56 anniversarju ta’ din il-ġrajja storika li rat il-bidu tan-nazzjon Malti. Dakinhar, Ġorġ Borg Olivier sar l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta indipendenti, u bħala l-mexxej il-ġdid, kien ta bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet f’dan il-jum mill-aktar memorabbli fl-istorja ta’ Malta.

Dalgħodu, fis-9.30am ingħata bidu għal quddiesa pontifikali bil-kant tat-Te Deum u li tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Wara kien hemm it-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana.

Għal dawn l-attivitajiet ipparteċipaw l-ogħla awtoritajiet fil-pajjiż immexxija mill-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.