Ritratti: Malta kburija tilqa’ lura lil Destiny

Għat-tieni darba fi tliet snin il-mitjar internazzjoni ta’ Malta ra xeni tfal u adolexxenti kburin, ferħanin jilqgħu lill-ambaxxatriċi tagħhom li għamlet isem għaliha u għal pajjiżha madwar l-Ewropa.
Akkumpanjata mill-ġenituri tagħha, ħuwha u n-nanniet, Destiny waslet Malta kmieni wara nofsinhar. Jakkumpanjawha Elton Zarb u Matt Muxu Mercieca li kitbu l-kanzunetta.
Ma’ Newsbook.com.mt Destiny spjegat kif din kienet esperjenza kbira għaliha li tkompli tħeġġiġha tħares lejn possibiltajiet oħrajn f’Malta u barra minn Malta li bihom tista’ tagħmilna kburin bħala poplu.
Ma’ Newsbook.com.mt, ic-Ceo tal-PBS Anton Attard spjega ukoll is-sodisfazzjon tiegħu li Malta għal darba oħra kisbet dan l-unur.  Feraħ lil Destiny u sostna li kburi biha u bit-talenti tagħha.
Attard, li wara s-suċċess tal-Junior Eurovision f’pajjiżna nħatar ukoll konsulent tal-produzzjoni maħtur mill-EBU, esprima ukoll is-sodisfazzjon tiegħu dwar kif imxiet is-serata. Fuq kollox qal ukoll li r-riskju li titħaddem il-formola li ntużat l-ewwel darba li tingħażel il-kantanta imbagħad tinkitbilha l-kanzunetta mhux biss ħadem imma jgħinna nirriflettu jekk għandniex inħarsu għal metodi alternattivi anke fil-każ tal-kuntest tal-kbar.
Not my soul hija l-aktar kanzunetta li s’issa kemm ilu jsir il-festival kisbet l-ogħla punti fost il-kanzunetti kollha. B’hekk Destiny kisret record li s’issa qatt ma kisru ħadd.
Malta issa tinsab fil-quċċata fost il-pajjiżi li l-aktar rebħu l-festival. Flimkien ma’ Malta li rebħet il-festival darbtejn, hemm ukoll il-Belarus u l-Ġorġja.