Ritratti: Mal-20 persuna niżlu jgħumu fil-funtana Tritoni – sorsi

Madwar 20 persuna niżlu jgħumu fil-funtana Tritoni llum. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li dan seħħ illum wara nofsinhar fil-Belt Valletta.

Is-sors spjegat kif hi u dieħla l-belt rat grupp ta’ żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet, li libsu l-malja u niżlu jgħumu fil-funtana. Il-mara spjegat kif uħud mill-ġuvintur saħansitra bdew jitilgħu mal-istatwa.

Spjegat kif hi u xi persuni oħrajn bdew jgħidu liż-żgħażagħ biex joħorġu mill-funtana għax dik ma kinitx għall-għawm. Qalet li ċemplu lill-Pulizija, iżda l-Pulizija ttardjaw ftit biex ġew. Minħabba f’hekk, dawn iż-żgħażagħ laħqu bdew joħorġu mill-funtana, jilbsu l-ħwejjeġ u jitilqu minn fuq il-post.

Newsbook.com.mt kkuntattja lill-Pulizija għad-dettalji uffiċjali tal-każ. Jidher li l-Pulizija rċivew telefonata li għadd ta’ persuni daħlu jgħumu fil-funtana għall-ħabta tat-3.30pm. Kelliem għall-Pulizija qal li x’ħin l-uffiċjali tal-Korp marru fuq il-post sabu 10 persuni Pollakki fil-viċinanzi tal-funtana. Huwa qal li dawn ġew mitkellma iżda mhux se jkun hemm proċeduri minħabba li qal li ma kinux jidhru xurbana, ma għamlux ħsara u lanqas ma kienu lebsin indiċenti.

Intant persuna oħra li kienet fuq il-post tellgħet filmat tal-istess żgħażagħ jgħumu fil-funtana.