Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ ta ordni biex il-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta ma jintmessx. Dalgħodu, il-mafkar kien għadu kif ħallewh l-attivisti lbieraħ waqt il-velja li saret għall-ġurnalista, sentejn u tliet xhur wara li nqatlet.
Dan il-mafkar kien suġġett ta’ diżgwid tul is-sentejn li għaddew, peress li l-eks Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici kemm-il darba ordna biex il-mafkar jitnaddaf ħalli ma titneħħiex l-attenzjoni minn fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-ordni tiegħu li l-mafkar ma jitnaddafx waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li ħass li dik kienet id-deċiżjoni xierqa f’dak il-mument. Madankollu, huwa insista li l-monument jibqa’ dejjem tal-Assedju l-Kbir u “tal-poplu Malti u ta’ ħadd iżjed.”
Waqt din il-velja, l-attivista Clemence Dujardin tat lill-Prim Ministru 30 jum ċans biex iwettaq numru ta’ miżuri, fosthom li jkeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Dalgħodu l-Prim Ministru sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar, flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, illi Cutajar ta r-riżenja tiegħu. Il-Gvern laqagħha.
Il-punti l-oħra li ntalbu mill-Prim Ministru kienu li:
- Jitlob apoloġija lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia
- Ikeċċi lil dawk kolli li jinsabu fl-uffiċċji pubbliċi u għajru lil Daphne Caruana Galizia
- Jippreżenta vot ta’ sfiduċja fl-Avukat Ġenerali
- Jippubblika l-kuntratt ta’ Neville Gafà
- Jitob apoloġija lill-attivisti għall-gideb li sar fuqhom
- Jitlob lill-pulizija jagħlqu gruppi ta’ mibegħda li nħolqu
- Jinħolqu standards biex ikun hemm rappurtaġġ bilanċjat
- Biex jikkommetti ruħu li jagħmel intervisti regolari ma’ midja indipendenti.