Ritratti: L-Istudenti ta’ Ħal Kirkop favur id-diversità

L-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop organizzat attività edukattiva bit-tema tad-diversità li saret mill-istudenti li qed jattendu l-kors tal-Performing Arts fl-MCAST.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għal din l- attività u faħħret l-inizjattiva filwaqt li aċċennat għal fatt li attività bħal din kienet qed tiżra’ ż-żerriegħa tant meħtieġa fis-soċjetà tagħna. 
Spjegat li din iż-żerriegħa se tkun qed tgħin sabiex l-inċertezza u l-egoiżmu fid-dinja jingħelbu biex ikollna soċjetà aktar reżiljenti u kapaċi tegħleb l-isfidi.
L-attività serviet biex tqajjem kuxjenza dwar id-diversità kif ukoll serviet bħala pjattaforma biex l-istudenti jesebixxu t-talenti tagħhom u dak li tgħallmu mill-istess kors.
50 student żifnu żifna li permezz tagħha urew dak li jagħmilhom differenti minn ħaddieħor permezz ta’ flokkijiet li libsu. Il-kliem intagħżel mill-istudenti stess kien juri dak li jdejjaq lil kull wieħed u waħda minnhom. Wieħed seta’ jinnota kliem bħall-twila wisq, qasira wisq u ħoxna. 
Wara ż-żifna beda l-forum mal-President flimkien ma’ Kimberly Parascandolo, Samuel Farrugia u Catriel Zahra, b’dawn tal-aħħar jitkellmu dwar il-kundizzjonijiet tagħhom u dwar dak li jiltaqgħu miegħu kuljum, dak li jdejjaqhom u dak li jogħġobhom.