Ritratti: L-Isqof Grech “vulkan ta’ ideat u proposti”

Djoċesi ta’ Għawdex / Anthony Grech

Il-Knisja f’Għawdex ilbieraħ filgħaxija raddet ħajr b’quddiesa lill-Isqof Emeritu Mario Grech fi tmiem l-Episkopat tiegħu fil-gżira Għawdxija.

F’messaġġ ta’ ringrazzjament f’isem il-kleru kollu Għawdxi, il-Vigarju Ġenerali Mons. Tarċis Camilleri sellem lil Mons. Grech u sejjaħlu “vulkan” ta’ ideat u proposti, u li ġedded il-Knisja f’Għawdex skont l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II u għenha tinfetaħ għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu, biex tkun iżjed mistika u missjunarja, u għalhekk timxi fit-triq tal-evanġelizzazzjoni li qed jindikalha l-Papa Franġisku.

Mons. Camilleri qal li mhux kollox kien perfett imma għax f’għaqda ma’ Kristu r-Ragħaj, Mons. Grech għen lill-Knisja lokali timmatura waqt li hu stess kiber magħha.

Għal xiex se jibqa’ mfakkar l-Episkopat tiegħu?
30 differenza li għamel l-Isqof Grech fil-ħajja tal-Għawdxin

Fl-omelija tiegħu, Mons. Grech stqarr li “li tkun fidil tfisser li tkun lest għas-sejħa t’Alla” filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa li l-Knisja tibqa’ tirriforma ruħha, u bl-istess mod il-bniedem.

Fil-konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr, li nżammet fir-Rotunda Parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, ħadu sehem ukoll l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex Anton Teuma, l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Carmel Zammit ta’ Ġibiltà, u n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico. Fuq quddiem tal-miġemgħa kienu preżenti l-President ta’ Malta George Vella u s-sinjura tiegħu.

Wara t-tqarbin, l-Isqof Grech mar quddiem xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu jinċensaha, waqt li t-tfajjel Laurent Jack Bishop kanta l-Ave Maria ta’ Gounod. Tul l-episkopat tiegħu, Mons. Grech ħabrek kemm felaħ biex ikattar id-devozzjoni lejha, u sentejn ilu sejjaħ ukoll Sena Marjana biex iqiegħed il-poplu Għawdxi taħt il-mant tagħha.

Djoċesi ta’ Għawdex / Anthony Grech

Il-quddiesa kienet animata bil-kant mill-Cappella Sanctæ Mariæ Assumptæ tal-Katidral ta’ Għawdex, taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha Mro Carmel P. Grech, li huwa wkoll ħu l-Isqof Grech, akkumpanjati fuq l-orgni maestuż tar-Rotunda mill-organista ċelebri Ingliż Wayne Marshall.

Djoċesi ta’ Għawdex / Anthony Grech

Nhar l-Erbgħa, Mons. Grech mar jagħmel żjara wkoll fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara, lill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona, u li miegħu qasam l-ewwel snin tal-episkopat.