L-isfida bejn Roma u Bayern Munich, tibda minn fuq Twitter

Illejla fid-8:45pm tibda l-partita minn Grupp E taċ-Champions League bejn Roma u Bayern Munich.
L-aħħar li ltaqgħu kienu fl-2010, meta r-Rumani kienu għelbu lil Bavariżi bl-iskor ta’ 3-2.
Ta’ min jgħid li l-isfida bejn dawn iż-żewġ timijiet, diġa’ bdiet minn dalgħodu fuq Twitter.
Fl-10:01 kienu Roma li fakkru lil Bayern b’dan ir-riżultat, iżda kwarta biss wara l-Ġermaniżi rrispondew u qalulhom li qed jittamaw f’riżultat differenti. Bayern wissewhom ukoll li mhux se tkun logħba faċli.
Roma reġgħu rrispondew mill-ewwel u qalulhom li l-logħbiet diffiċli jagħmlu parti miċ-Champions League. Madankollu qed jistennew bi ħġarhom li jiltaqgħu magħhom f’dan il-konfront.