Ritratti: L-internet wasal fiż-żibel

Qatt bsart li l-internet se jasal ukoll fit-tankijiet taż-żibel? GreenPak qed jużaw teknoloġija ta’ Vodafone biex fil-Bring-In-Sites madwar Malta u Għawdex ipoġġu t-teknoloġija Internet of Things. Għalkemm il-vantaġġ ewlieni ta’ din it-teknoloġija hu li wieħed jista’ jkun jaf liema tankijiet huma vojta, GreenPak issa se jkollha aċċess għal liema minn dawn it-tankijiet ikunu ntlew biex jiġu żvujtati.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat nieda din l-inizjattiva u qal li dan huwa eżerċizzju ta’ kif it-trasparenza tiġi mħaddma għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Żied jgħid lil-pass li jmiss huwa li mis-sena d-dieħla jibdaa l-ġbir tal-fliexken tal-plastik permezz ta’ magni madwar Malta u Għawdex. Dwar l-attendenza ta’ numru mdaqqas ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari waqt it-tnedija tal-iBins, il-Prim Ministru qal li dan huwa xhieda ta’ kif il-Gvern irid jieħu azzjoni ħolistika dwar l-immaniġġjar tal-iskart fl-istrati kollha governattivi.

Kif jaħdmu dawn l-iBins?

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, l-inġinier Mario Schembri spjega li GreenPak issieħeb ma’ Vodafone biex permezz tat-teknoloġija wieħed ikun jista’ jara liema kontenituri taż-żibel huma mimlija. Spjega wkoll li meta tinduna li l-kontenitur tiegħek ikun mimli, mill-mowbajl tista’ tfittex liema kontenitur huwa vojt qrib tiegħek.

Dwar l-għan ewlieni li wassal lil GreenPak biex tinvesti f’din is-sistema, Schembri stqarr li t-tessut soċjali f’Malta inbidel u għaldaqstant, is-sistema għall-immaniġjar tal-iskart kellha tinbidel ukoll biex toffri aktar flessibiltà lill-familji biex jarmu l-iskart riċiklabbli.

Mistoqsi jgħid jekk il-kontenituri humiex se jitpoġġew f’lokalitajiet oħra minbarra f’Pembroke, l-inġinier Schembri stqarr li l-kumpanija għandha 800 tank taż-żibel riċiklabbli u li dawn se jinfirxu f’aktar minn 200 sit madwar Malta u Għawdex.